F’partita valida minn League C Grupp 2 tal-UEFA Women’s Nations League, wirja qalbiena ma kinitx biżżejjed għall-Maltin hekk kif sfaw megħluba minn Ċipru bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewġ goals għaċ-Ċiprijotti jaslu fl-ewwel taqsima.
Kien biss fit-22 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita b’Ċipru jkunu huma li joħolqu l-periklu wara li rċeviet minn cross ta’ Marilena Georgiou, Maria Panagiotou kellha d-daqqa ta’ ras tagħha tistampa mal-wieqfa, bil-Maltin jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u seba’ minuti wara Eirini Michail avvanzat tajjeb wara li apprpfittat minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Emma Lipman, iżda l-goalkeeper Maltija Janice Xuereb ħarġet barra minn postha u interċettat tajjeb.
Ċipru fetħu l-iskor fit-33 minuta meta Maya Lucia għaddiet lura lejn Janice Xuereb li ppruvat tikklerja l-ballun li iżda ħabat ma’ ANTRI VIOLARI u ntemm fixixbka.
Huma rduppjaw l-iskor erba’ minuti wara meta minn azzjoni ta’ freekick ta’ Michail u minn diżattenzjoni oħra fid-difiża Maltija, daqqa ta’ ras ta’ MARILIA CONSTANTINOU intemmet gewwa.
Fil-41 minuta, Constantinou dejjem għaċ-Ċiprijotti kellha x-xutt mill-viċin tagħha li ħabat max-xibka minn barra biex ta l-illużjoni tal-goal.
Malta wieġbet għall-ewwel darba fl-44 minuta meta cross bid-dawra ta’ Rachel Cuschieri stampa ma’ sieq il-wieqfa.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jnaqqsu l-marġni tal-isko, u fil-50 minuta, irnexxielhom jagħmlu dan meta Haley Bugeja minn pożizzjoni ideali għaddiet pass għan-nofs u Sara Papadopoulou fit-tentattiv li tikklerja l-ballun tefgħet il-ballun fil-lasta tagħha stess, biex b’hekk irriżulta auto-goal sfortunat.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-75 minuta, Haley Bugeja kellha x-xutt tagħha minn pożizzjoni angulata minn ġol-kaxxa jintemm ftit barra.
Iżda kienu ċ-Ċiprijotti li komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Emily Heaslip (Ingilterra)