L-Avukat Rachel Tua sfidat lil l-eks kandidat Nazzjonalista Norman Vella biex jaħlef li qatt m’għamel rapport lill-Pulizija dwar hate speech kontra ċertu Jeremy Portelli.
Portelli ġie illiberat minn kull akkuża fil-Qorti l-Ħamis, anke wara li Norman Vella baqa’ ma tfaċċax fil-Qorti biex jixhed fil-każ, li wkoll kien intuża mill-midja Nazzjonalista.
Madankollu, il-Ġimgħa, Vella rrikorra għall-midja soċjali biex jipprova jgħatti xturu fejn qal li hu qatt m’għamel rapporti kontra Portelli u sejjaħ dan bħala biss invenzjoni, anke jekk kien imsejjaħ bħala xhud fil-proċeduri. Hu saħansitra qal li se jitlob għal spjegazzjoni mill-Pulizija.
Minkejja dan, pronta kienet ir-risposta tal-Avukat Tua, li fuq l-istess kitba tiegħu ta’ Facebook, staqsiet lil Vella jekk hux lest li dak li kiteb jixhdu fil-Qorti taħt ġurament.
Jirriżulta lil ONE News, l-istess avukata assistiet lil Jeremy Portelli fil-proċeduri l-Qorti fejn ġie illiberat.
