Total ta’ 45 kunċert u madwar 700 artist se jibbenefikaw mill-fond ta’ Rock’n’Malta għas-sena 2025. Dan il-fond, li hu amministrat minn Festivals Malta, jinċentiva lill-organizzaturi, promoturi, artisti u bands lokali biex jinvestu fil-mużika Rock billi joffri għajnuna finanzjarja u gwida fuq livell loġistiku, marketing u aktar.
Il-Ministru Bonnici spjega li Rock’n’Malta qed ikompli jikseb popolarità, b’Festivals Malta tirċievi rekord ta’ sottomissjonijiet għal din is-sena.
“Ninċentivaw lill-privat u lill-NGOs u allura bdejna f’dak iż-żmien b’fond ta’ €250,000, biex ngħinu lill-privat u lill-NGOs jorganizzaw kunċerti Rock huma. Meta ħriġna, imbagħad, l-iskema għal din is-sena, tant kemm kien hemm applikazzjonijiet li l-ammont ta’ €400,000 t’għajnuna ma kienx se jkun suffiċjenti u, allura, dan l-ammont ġie aktar milli rdoppjat u tela’ għal €1 miljun.”
Il-Ministru Owen Bonnici

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-fond għal pajjiżna, bil-għan li jkompli jgħin fl-iżvilupp tal-prodott lokali.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, ta aktar dettalji tal-avvenimenti u l-kunċerti li se jkunu qed isiru matul din is-sena u tkellem dwar ir-rwol ta’ Festivals Malta fl-amministrazzjoni ta’ dan il-fond.
“Għola darbtejn u nofs li kien. Kien €400,000 u issa €1 miljun. Jiġifieri dan hu prova ċara ta’ kemm hawn operaturi li qed jinteressaw rwieħhom f’dan is-settur u qed jibbenefikaw minnu. B’dan il-mod qed nagħtu lill-udjenzi tagħna tar-Rock, iċ-ċans li jimirħu aktar minn dik li hi mużika tagħhom u jgħollu l-livell tagħhom permezz ta’ kemm artisti Maltin u artisti u esponenti tar-Rock barranin.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius

Tkellimna wkoll ma’ Peter Paul Galea mill-band Tribali, li wkoll se jkun qed jibbenefika minn dan il-fond.
“Tgħinna żgur, għax illum il-ġurnata torganizza event il-production costs biex ittella’ event fuq skala professjonali saru expensive, allura aħna rridu li meta nipperformjaw, nipperformjaw fuq skala professjonali kemm nistgħu u żgur li b’din l-għajnuna li qed nirċievu min-naħa tal-Gvern, u Festivals Malta, żgur tgħinna biex inkomplu ntellgħu l-livell li nixtiequ ntellgħu għall-pubbliku.”
Peter Paul Galea
Il-kunċerti, li din is-sena se jibbenefikaw mill-fond ta’ Rock’n’Malta, se jittellgħu bejn Frar u Diċembru tal-2025, filwaqt li aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit ta’ FestivalsMalta.