Se jiġi mniedi ktieb ġdid bil-għan li jinstiga l-interessi u l-immaġinazzjoni tat-tfal żgħar u jfassal mill-ġdid il-proċess tat-tagħlim fl-ambjent edukattiv ta’ Malta.
Dan il-ktieb, An Emergent Curriculum for the Early Years in Malta: Stories of Professional and Pedagogical Transformation — qed jittama li jqajjem dibattitu dwar it-tħaddin ta’ proċess ta’ tagħlim immexxi mit-tfal.
Miktub minn Charmaine Bonello, Anna Baldacchino, u Carmen Dalli, li huma letturi u esperti fil-qasam tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, il-ktieb huwa ppubblikat minn Routledge u ġie mniedi, bl-appoġġ tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society.
In-narrattivi fil-ktieb juru li meta l-edukaturi jikkollaboraw mat-tfal fil-proċess tat-tagħlim, dan iwassal għal esperjenzi edukattivi iktar sħiħa u tkabbir professjonali.
“B’mod ġenerali, il-ktieb iservi bħala sejħa għall-azzjoni biex iħaddan il-potenzjal tal-istudenti żgħażagħ u jittrasforma l-pajsaġġ edukattiv mill-bidu.”
Edukaturi taċ-childcare u kindergarten, kif ukoll għalliema tal-primarja bikrija li qasmu l-għarfien tagħhom, tkellmu dwar is-sbuħija fluwida li jkun hemm kurrikulu emerġenti, li “jħawwel iż-żerriegħa tal-ferħ fit-tagħlim” u “jimmotiva u jinkoraġġixxi lill-edukaturi biex jibqgħu maħbubin max-xogħol tagħhom”.
Għalliema tal-Ewwel Sena responsabbli għal tfal ta’ bejn ħames u sitt snin qalet li ladarba bdiet timplimenta l-kurrikulu emerġenti, induna li l-ideat li ħarġu bihom it-tfal kienu xi ħaġa li qatt ma kienet ħasbet fiha. Ħassitha li issa kienet co-learner mat-tfal fil-klassi tagħha.
Edukatura oħra tal-Kindergarten spjegat kif hi setgħet tifhem aħjar il-ħsibijiet tal-istudenti meta t-tfal ingħataw il-libertà li jesploraw. Dan fetaħ il-bibien għal ideat ġodda, żamm it-tagħlim innovattiv, u stabbilixxa l-pedament għall-iżvilupp tat-tagħlim.
Il-ko-awtur Dr Baldacchino żiedet tgħid: “Il-kurrikulu emerġenti jevolvi u joħroġ mill-interessi tat-tfal. Dan huwa approċċ flessibbli li jitmexxa mill-ideat tat-tfal, bil-għajnuna tal-edukaturi tagħhom. Il-ktieb juri b’mod ċar li anke it-tfal żgħar jistgħu jibbenefikaw minn approċċ bħal dan.'”
Iċ-Chairperson tal-MFWS, Marie-Louise Coleiro Preca, tittama li l-gvern u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jadottaw dan il-kunċett u jieħdu is-snin bikrin aktar bis-serjetà.
“Irridu nieqfu nittrattaw lit-tfal bħala parteċipanti passivi fil-proċess tat-tagħlim. Għandna naħdmu biex ikollna esperjenza edukattiva bikrija li tkun rilevanti u nħalluhom jesploraw l-interessi individwali tagħhom matul dan il-perjodu kruċjali tas-snin formattivi tagħhom,” qalet is-Sinjura Coleiro Preca, li hija wkoll il-president tal-Eurochild.