Żewġ kuntratturi u żewġ diretturi ta’ kumpanija ġew mixlija bil-qtil involontarju ta’ Bari Balla – Albaniż ta’ 51 sena, waqt ix-xogħol.
Dan wara li ġġarrfet id-dar li kien qed jaħdem fiha l-vittma, f’Tas-Sliema, f’April tal-2024.
Il-missier ta’ sitt itfal tilef ħajtu wara li ċeda saqaf ta’ binja fil-ħin kien qed jaħdem mar-raġel ta’ bintu.
Il-kuntratturi mressqa huma Kurt Galea ta’ 33 sena mill-Mellieħa u Anthony James Fisher ta’ 42 sena mill-Isla waqt li d-diretturi tal-kumpanija Oratorian Capital Limited huma Luca Miceli Demajo ta’ 33 sena mill-Belt Valletta u Samuel Borg ta’ 34 sena minn Tas-Sliema.
Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake bl-Avukati Charles Mercieca, Michael Grech, Joseph Giglio u Michael Giglio qed jidhru għall-akkużati.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Etienne Savona u Manuel Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li l-Avukat Francesca Zarb qed tidher għall-familja tal-vittma.