B’ħalma jsir kull sena, l-organizzazzjoni mmexxija minn studenti ffokat fuq l-arti tal-ispettaklu u l-avvenimenti tat-teatru fi ħdan il-Junior College, bl-isem ta’ Teatru Kulleġġ, qed iħejju reċta għall-avveniment rinomat tal-JC Soiree.
Din is-sena, il-grupp ta’ żgħażagħ qed iħejju rwieħhom għall-produzzjoni ta’ din is-sena li ddur ma’ ‘Kemmuna Airways’, l-album mużikali famuż f’pajjiżna tal-koppja Joe Demicoli u Augusto Cardinali.
Tim ta’ ONE News żar il-provi l-Ħamis waranofsinhar fl-Awditorju Peter Serracino Inglott fil-Junior College, ġurnata qabel jibdew jittellgħu dawn ir-rappreżentazzjonijiet.
Waqt il-provi, tkellimna ma’ Ben Cassar, wieħed mill-atturi prinċipali, li hu spjegalna aktar dwar l-istorja tar-reċta.
“Il-play hi dwar din il-koppja li ħa jieħdu flight minn Londra sal-Greċja biex jiżżewġu u l-flight tispiċċa tikkraxxja f’Kemmuna u l-kaptan, l-uniku karattru Malti, jgħidilhom li qegħdin f’Kemmuna u kollox jiżvolġi f’Kemmuna.”
L-attur Ben Cassar
Tkellimna wkoll ma’ Miguel Formosa, kordinatur ta’ Teatru Kulleġġ fejn appella lin-nies għas-serata tal-Ġimgħa u s-Sibt li ġejjin.
“Dan hu xogħol oriġinali, xogħol ibbażat fuq xogħol klassiku ta’ Joe Demicoli. Jien naħseb li kull min iħobb it-teatru, kull min iħobb il-mużika u kull min iħobb il-letteratura Maltija għandu jiġi, għax dan ix-xow hu xi ħaġa għal kulħadd … fih id-daħk, naqra umoriżmu, naqra minn kollox.”
Kordinatur, Teatru Kulleġ, Miguel Formosa
Għal-biljetti, wieħed jista jżur is-sit biljett.mt.
