Il-ħatra ta’ Segretarju Ġenerali ġdid kompliet tikkarga l-ġlied u l-konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista.
ONE News diġà żvela kif l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-fazzjoni estremista, qed jinsistu li s-Segretarju Ġenerali l-ġdid għandu jkun Charles Bonello, l-eks Segretarju Privat tiegħu f’Kastilja.
Jidher li waħda mill-kundizzjonijiet li għamel Bonello hi li ma jkunx ikkontestat għal din il-kariga u jkun l-uniku kandidat li se jtellaq waħdu għar-rwol ta’ Segretarju Ġenerali.
Wara li, fl-aħħar ġranet, iddikjara li kien se jikkontesta għal din il-kariga l-Kunsillier Nazzjonalista tal-Gudja, Stefan Caruana, sorsi minn ġewwa qalulna li din il-mossa ħasdet bil-kbir lil ta’ GonziPN.
Tan hu hekk, li fl-aħħar sigħat jidher li bdew għaddejjin manuvri mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u mill-fazzjoni ta’ Lawrence Gonzi biex jaqtgħu qalb l-istess Caruana milli jikkontesta għat-tieni l-ogħla kariga fil-ġerarkija tal-Partit.
ONE News informat ukoll li dawk li huma kontra li Stefan Caruana jikkontesta, qed jużaw l-argument li Caruana diġà hu assistent tas-Segretarju Ġenerali preżenti, Michael Piccinino, u li stħarriġ wara ieħor, speċjalment dawk tal-aħħar, urew li l-PN mhux qed jikkonvinċi lill-elettorat.
Argument ieħor hu li l-PN maqsum diġà kif inhu, issa li ta’ Adrian Delia reġgħu fetħu l-kanuni fuq Bernard Grech, speċjalment wara l-aħħar artiklu kontrih li kiteb missier is-sieħba ta’ Delia l-Ħadd li għadda, waqt li, bi problemi finanzjarji enormi, ma jaffordjax li jgħaddi minn elezzjoni interna għal kariga, bħalma hi dik ta’ Segretarju Ġenerali.
Kif tħabbar diġà minn ONE News, wara Caruana hemm l-eks Ministru Louis Galea, li wara li spiċċa mill-Parlament, baqa’ jgħawwar fil-PN. Hu fatt magħruf li dan ma ħafirha qatt lil Gonzi meta m’għamlux President ta’ Malta.
Jappoġġjaw lil Caruana hemm ukoll in-nies tal-eks Ministru Austin Gatt u persuni li huma midħla tal-fergħa elettorali, l-ELCOM.
Fost dawk li qed joħorġu għonqhom pubblikament għal Stefan Caruana hemm attivisti Nazzjonalisti, bħal Kurt Gatt u Joshua Bajada, kanvażers kbar ta’ Austin Gatt u Claudio Grech, u Ian Cilia, li huma ħaġa waħda mal-klikka tal-ELCOM.
Jappoġġja bis-sħiħ lil Caruana hemm ukoll id-Deputat Nazzjonalista mill-Gudja, Mark Anthony Sammut, li għandu ambizzjonijiet li xi darba jsir il-Kap tal-PN. Jgħinu hemm id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus.
L-uniku wieħed li donnu qed iżomm ’il bogħod minn din il-kwistjoni hu l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li jippreferi joqgħod gallarija jsegwi l-manuvri li qed isiru mill-fazzjoni Bernard Grech-Lawrence Gonzi u dik Louis Galea-Austin Gatt.
Persuni midħla tal-PN qed jgħidu li l-ħatra ta’ Segretarju Ġenerali Nazzjonalista se tkompli tikkarga l-ġlied intern fil-PN minħabba li l-fazzjonijiet fi ħdanu moħħhom biex jinfexxu f’xulxin.