Is-sena l-oħra, l-għadd ta’ residenti Maltin li siefru barra minn xtutna kien jgħodd għal aktar minn tmin mija u erbgħin elf, skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Jirriżulta li, meta mqabbel ma’ sena qabel, fl-2024 kien hemm żieda ta’ aktar minn 20,000 persuna li siefru.
Skont l-NSO, is-sena l-oħra, il-Maltin ukoll nefqu aktar meta kienu barra l-pajjiż. Dan hekk kif nefqu iżjed minn tmin mitt miljun ewro, żieda ta’ ftit aktar erbgħa u sittin miljun ewro, meta mqabbel mal-2023.
Miċ-ċifri uffiċjali ħareġ li l-aktar destinazzjoni popolari mal-Maltin fl-2024 kienet l-Italja. Dan hekk kif marru aktar minn 300,000 persuna.
Wara segwew ir-Renju Unit, fejn marru aktar minn 90,000 persuna, waqt li Spanja rat aktar minn 52,000 persuna minn pajjiżna. Warajhom imbagħad kien hemm Franza, il-Ġermanja u l-Greċja.
Interessanti l-fatt, li aktar minn 6,000 persuna minn fostna marru l-Istati Uniti tal-Amerka s-sena li għaddiet, bin-numru wkoll qed ikompli jiżdied sena wara l-oħra.