L-eks President Brażiljan Jair Bolsonaro ġie akkużat mill-kap prosekutur tal-pajjiż b’attentat ta’ kolp ta’ stat wara li tilef l-elezzjoni presidenzjali tal-2022.
Bolsonaro, li għandu 69 sena, ġie ppreżentat b’ħames atti ta’ akkuża li allegatament ipprova jżomm lis-suċċessur tiegħu, il-President Luiz Inácio Lula da Silva, milli jmexxi lill-pajjiż wara kampanja elettorali ħarxa.
L-akkużi jinkludu allegazzjonijiet ta’ pjan biex javvelena lil Lula u jispara lill-Imħallef tal-Qorti Suprema Alexandre de Moraes.
Bolsonaro ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u tenna li kien biss vittma ta’ persekuzzjoni politika.
Jekk it-talba tal-prosekutur tintlaqa mill-Qorti Suprema, Bolsonaro u 33 persuna oħra jkunu akkużati formalment u jgħaddu ġuri.
L-eks President kien ġie eskluż milli jikkontesta l-elezzjonijiet għal tmien snin wara li kien akkużat li pprova jnaffar id-demokrazija Brażiljana meta falzament iddikjara li l-vot elettroniku użat waqt l-elezzjoni ta’ Ottubru 2022 kien vulnerabbli għall-frodi u tbagħbis.
L-elezzjoni kienet mirbuħa bi ftit minn Luiz Inácio Lula da Silva magħruf bħala Lula. Bolsonaro qatt ma aċċetta r-riżultat pubblikament u telaq mill-Brażil għall-Istati Uniti jumejn qabel Lula ħa l-ġurament tal-ħatra.
Fit-8 ta’ Jannar 2023, is-segwaċi ta’ Bolsonaro kienu attakkaw u daħlu f’binjiet tal-gvern fil-belt kapitali Brasilia bil-pulizija arrestaw 1,500 dimostrant.
Tliet xhur ilu, il-pulizija federali ppublikaw rapport fejn akkużaw lil Bolsonaro bħala l-persuna li instigat l-ippjanar u l-organizzazzjoni tal-attentat kolp ta’ stat, inkluż li ppropona l-ideja lill-uffiċjali fil-militar sabiex jimpedi lil Lula milli jieħu l-poter.
Minkejja l-impediment li jikkontesta l-elezzjoni, Bolsonaro jibqa’ forza politika b’saħħitha fil-Brażil u jista’ juża l-proċess bħala pjattaforma għall-aġenda tiegħu.