Fil-Qorti, xehed id-Daniż Jesper Kristiansen, li weħel 40 sena ħabs talli fit-18 t’Awwissu tal-2020 kien kompliċi fid-delitt doppju ta’ Chris Pandolfino u s-sieħeb tiegħu.
Hu qal li l-allegat qattiel, Daniel Muka, qallu li qatel lill-koppja, għax “hekk kien hemm bżonn isir”.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, Kristiansen xehed li Muka kien il-moħħ wara s-serqa u għamilhielu ċara li ħadd m’għandu jweġġa’.
Stqarr li, ftit tal-ħin wara li Muka daħal fir-residenza tal-koppja, sema’ tiri ta’ pistola. Meta mar ħdejn il-bieb, sab lil Muka bil-pistola f’idu u raġel mal-art. Kompla jgħid li ra lil Muka tiela’ fis-sular ta’ fuq, fejn kien hemm ir-raġel l-ieħor u malli ra hekk ħareġ ’il barra biex jgħid lill-kompliċi l-ieħor, Dragomanski, li l-qtil ma kienx parti mill-pjan.
Kristiansen qal li meta reġa’ daħal fid-dar ma’ Dragomanski biex jisirqu l-ġojjellerija, l-art kienet mimlija għadajjar tad-demm.
Meta ġie mistoqsi dwar l-arma, hu xehed li ma kienx raha qabel.