Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino ħareġ jattakka r-riforma fl-inkjesti maġisterjali mingħajr lanqas biss qara l-abbozz ta’ liġi. Dan ħareġ bl-aktar mod ċar, meta l-istess ġurnal li tkellem miegħu, it-Times Of Malta, ikkwotatu jgħid li “d-dettalji ta’ dan l-abbozz mhumiex magħrufa”, anke jekk mhux il-każ.
Għalhekk joħroġ biċ-ċar li Said Pullicino lanqas biss irrealizza li l-abbozz li jipproponi riformi fl-inkjesti maġisterjali ilu ppubblikat għal aktar minn 19-il ġurnata.
Dan l-abbozz fil-fatt ġie ppubblikat fil-31 ta’ Jannar, jum wara li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fejn spjegaw ir-riforma fid-dettal.
Said Pullicino, li kien inħatar Prim Imħallef minn Gvern Nazzjonalista ta’ Eddie Fenech Adami, ħass li kellu joħroġ jikkritika r-riforma fl-inkjesti li qed jipproponi l-Gvern.
Dan minkejja li, fil-passat, Said Pullicino qatt ma ħass il-ħtieġa li jesprimi l-fehmiet politiko-legali tiegħu, inkluż meta deputati fi Gvernijiet Nazzjonalisti kienu appellaw għal riformi ċentrali fil-qasam.
Interessanti, imma, li issa, minkejja li ħareg jikkritika u jakkuża lill-Gvern li “qabeż linja ħamra” bir-riforma fl-inkjesti, il-kummenti ta’ Said Pullicino jikxfu l-fatt li lanqas biss qara l-abbozz kif spiċċa ammetta hu stess.
F’dan il-kuntest wieħed jistaqsi, jekk kemm-il darba d-dettalji tal-abbozz ma jafx bihom, abbażi ta’ xiex ħareġ jikkritika u esprima l-fehma tiegħu l-Imħallef Emeritu Said Pullicino.
Aktar u aktar meta ħareġ jgħid li din ir-riforma hi theddida għad-demokrazija u s-saltna tad-dritt, bl-istess retorika tal-estremisti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Said Pullicino wasal biex saħansitra jiddikjara li kien qed jappoġġja bla ebda riserva l-kritika kollha li għamel il-Prim Imħallef Emeritu ieħor, Silvio Camilleri, li bħalu wkoll kien maħtur b’deċizjoni politika minn Gvern Nazzjonalista.
Camilleri kien iddikjara pubblikament u bil-miktub li hu minn dejjem kien jgħid li l-Laburisti huma inkompetenti, arroganti, korrotti, stupidi u bla sinsla.
Skont Said Pullicino, Camilleri hu bla dubju “persuna ta’ għerf u integrità”, anke jekk dan żgur ma kienx rifless fil-kummenti partiġġjani u aggressivi tiegħu fil-konfront ta’ dawk li ma jaqblux miegħu politikament.
Silvio Camilleri saħansitra spiċċa jgħajjar lin-nies, li kkummentawlu online fit-Times, bi żbilanċ mentali.