Il-Gvern, permezz tas-Segretarjat għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, qed jiffinanzja proġett ta’ smart manufacturing, qasam li għandu importanza kbira għall-ekonomija Maltija. Dan jagħmel parti minn kampanja wiesgħa ta’ għaxar inizjattivi innovattivi ta’ riċerka.
Dan il-proġett, bl-isem ta’ ASPIRE, qed jitmexxa mill-Università ta’ Malta bil-għan li jsaħħaħ il-produzzjoni permezz tat-teknoloġija avvanzata u l-Intelliġenza Artifiċjali, kif anke spjega l-akkademiku, il-Professur Emmanuel Francalanza.
“Hawnhekk qed naraw mil-lat ta’ robotika kollaborattiva, jiġifieri robot li jaħdem id f’id mal-bniedem. Issa ovvjament meta wieħed jaħdem id f’id mar-robots, wieħed irid ukoll moħħu mistrieħ li hu sigur, jiġifieri li għandek element ta’ sigurtà li hi importanti hemmhekk li wieħed ma jweġġax u jagħmel ix-xogħol tiegħu, kif ukoll wieħed ta’ interazzjoni.”
Emmanuel Francalanza, Akkademiku

Dan proprju tħabbar fi żjara li saret fil-kumpanija Seifert Systems Limited, li qed tinvesti f’diversifikazzjoni tal-prodotti tagħha b’investiment ta’ aktar minn €9 miljun.
Tkellimna mal-General Manager tal-kumpanija li qalilna kif il-ħaddiema magħhom, grazzi anke għas-sostenn tal-Gvern, illum il-ġurnata jlaħħqu l-ħames mija.
“Today here we are around 500 workers with everything included and it is the sheet metal assembly shop here which allowed us to build that growth. So it’s only the output from here that meant that in the following sections, the following processes we are able to hire that many more people.”
Philip Seifert, General Manager ta’ Seifert
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli, Keith Azzopardi Tanti, saħaq kif il-Gvern se jkompli joffri l-appoġġ tiegħu lil kumpaniji bħal dawn biex jattiraw aktar investiment f’pajjiżna.
“Aħna fis-settur tagħna tar-riċerka u l-innovazzjoni se nkunu qegħdin nagħtu r-riżorsi, l-għajnuna finanzjarja, is-sapport meħtieġ, biex dan is-settur ikompli jiffjorixxi u joffri mpjiegi u karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.”
Keith Azzopardi Tantri, Segretarju Parlamentari