Bernard Grech iridna nemmnu li qabel l-2013, Malta kienet ¬ix-xempju tar-rule of law fid-dinja. Iridna nemmnu li kellna l-aqwa Kummissarju tal-Pulizija u l-aqwa Avukat Ġenerali fl-istorja. Il-fatti iżda juru li qabel l-2013 ġraw affarijiet tal-mistħija, fejn ir-rule of law intremiet fil-landa taż-żibel.
Fil-‘ġenna tal-art’ ta’ qabel l-2013, il-Korp tal-Pulizija kellu bħala Kummissarju u Kap tas-servizz sigriet lil ċertu George Grech, magħżul mill-Prim Ministru Eddie Fenech Adami. Grech, li xogħlu suppost kien li jinvestiga lill-kriminali, spiċċa investigat huwa stess f’inkjesta maġisterjali dwar rikatt, theddid, attentat ta’ stupru u uzu ħażin ta’ fondi pubbliċi, fost l-oħrajn. L-inkjesta maġisterjali sabet li kien hemm biżżejjed provi biex Grech jitressaq il-Qorti.
Dan il-pass ried isir mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Iżda għaġeb tal- għeġubijiet, l-Avukat Ġenerali, Anthony Borg Barthet, ukoll magħżul mill-Prim Ministru Fenech Adami, għażel li ma jimxix mad-direzzjoni mogħtija mill-Maġistrat u ma ttieħdu l-ebda passi fil-Qorti kontra George Grech.
Dawn il-pastażati ġraw meta l-paladini tar-rule of law kellhom ir-riedni tal-pajjiż f’idejhom qabel l-2013, żmien li Bernard Grech ¬dejjem jgħid li jrid jieħu lill-pajjiż lura għalih. Dak iż-żmien, fost il-backbenchers fil-Grupp Parlamentari tal–Partit Nazzjonalista, kien hemm ċertu Jason Azzopardi. Dak iż-żmien iżda, Dr Azzopardi ma ħarqitux qalbu għar-rule of law. Ma ħariġx jagħti ħasla lil George Grech u lil Anthony Borg Barthet. Għax dak iż-żmien kien servjent ubbidjenti tal-Prim Ministru. Għax dak iż-żmien kollox kien jgħaddi.
U l-istorja ma waqfitx hawn. Meta pajjiżna sar membru tal-Unjoni Ewropea fl-2004, il-gvern intalab jinnomina persuna bħala Mħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. U min intgħażel? Fenech Adami għażel lill-Avukat Ġenerali Anthony Borg Barthet. Jiġifieri dan mhux talli ma ġiex ikkastigat, talli ġie ppremjat.
It-terminu tiegħu skada fl-2006. U gvern Nazzjonalista din id-darba mmexxi minn Lawrence Gonzi ried jerġa’ jinnomina persuna għall-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. U Gonzi bħal ta’ qablu reġa’ għażel lil Borg Barthet. Sitt snin wara, fl-2012, kien imiss li l-gvern ta’ Gonzi jerġa’ jagħżel. U kif jgħidu, fuq tlieta toqgħod il-borma. Għax lill-Ewropa l-gvern Nazzjonalista reġa’ bagħtilha l-isem ta’ Anthony Borg Barthet.Jiġifieri b’kollox, grazzi għal gvernijiet Nazzjonalisti, Borg Barthet, li ma ħax passi kontra l-Kummissarju Grech dwar rikatt, theddid, attentat ta’ stupru u użu ħażin ta’ fondi pubbliċi, fost l-oħrajn, għamel 14-il sena konsekuttivi bħala Mħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Fl-2016 kien sar magħruf illi s-salarju bażiku ta’ Mħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, bħalma kien dak iż-żmien Borg Barthet, kien ta’ €256,000 fis-sena, u bl-allowances seta’ jaqbeż it-€300,000. Meta Mħallef kien itemm l-inkarigu tiegħu kien jibqa’ jirċievi allowance għal tliet snin li kien jammonta bejn €100,000 u €162,000. U ta’ 60 jew 65, kien jibda jirċievi pensjoni li ma setgħetx tkun ta’ iktar minn €175,000 fis-sena.
Bernard Grech, bid-dikjarar, qiegħed jaħdem biex pajjiżna jmur lura lejn is-‘snin glorjużi’ ta’ qabel l-2013, is-snin ta’ George Grech u Anthony Borg Barthet.