F’din is-sensiela, qegħdin niltaqgħu ma’ wħud mid-deputati Nazzjonalisti u esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista. Se nsiru nafu aħjar it-traġitt tagħhom fi ħdan il-PN, u r-rwol tagħhom matul is-snin, sal-ġurnata tal-lum.
Illum se nsiru nafu aktar dwar id-deputat Nazzjonalista Għawdxi, Alex Borg.
Sodda mifruxa
Alex Borg, li ħafna jsibuh bħala ‘Mr Facebook,’ minħabba li jħobb ħafna jtella’ ritratti tiegħu nnifsu jippoża fuq Facebook, huwa Għawdxi u qabel ma daħal fil-politika kien jimmudella.
Ħareġ għall-ewwel darba fl-elezzjoni tal-2022, u qabeż lid-deputat Nazzjona¬lista veteran Chris Said.
Wieħed jista’ jgħid li Alex Borg sab is-sodda mifruxa u dan minħabba l-intimità politika tiegħu mal-eks ministru Nazzjonalista veterena Giovanni Debono, fejn meta waqfet toħroġ Giovanna ħareġ Alex u wiret il-voti kollha tagħha.
Min jafu jgħid li fil-karattru tiegħu li ‘jħobb isib kollox lest,’ politikament ambizzjuż ħafna u li ddejqu ħafna l-kritika.
Avukat, madankollu persuni midħla tal-Qrati jgħidu li mhuwiex avukat imħabbat wisq u li jqatta’ ħafna minn ħinu ‘tiela’ u nieżel Triq ir-Repubblika.’
Iħobb jintgħoġob
Persuni li jafu lil Alex Borg mill-qrib jgħidulek illi dan id-deputat Għawdxi jħobb jintgħoġob. Jirriżulta li jekk ikun qed jitkellem ma’ xi ħadd, anke jekk ma jkunux tal-istess opinjoni fuq xi ħaġa, Borg iħobb ‘jagħtihom raġun.’ Ta’ madwaru jgħidu li Borg iħobb jadotta din it-tattika biex ‘jidher ħelu ma’ kulħadd.’ Dan jimmanifesta ruħu b’mod partikolari meta d-deputat Għawdxi jkun mis¬tieden f’attivitajiet, u ikliet, fejn ikun hemm persuni, speċjalment negozjanti, li ma jkunux favorevoli lejn il-Partit Nazzjonalista.
Oħrajn jgħidu li Borg jibża’ ħafna mill-kritika u jħossu skomdu meta l-attenzjoni tal-midja ddur fuqu b’mod. ‘Iħossu skomdu ħafna,’ qalulna persuni li tkellmu mal-Kulħadd.
Ambizzjuż ħafna
Li tkun ambizzjuż fil-politika ma hemm xejn ħażin, iżda li tkun ambizzjuż b’mod esaġerat iqajjem suspett dwar il-ġenwinità tal-politiku. Persuni midħla ta’ Alex Borg jgħidu li fuq livell personali jaf imur man-nies u li ‘jħobb il-ħajja u l-ilwien kollha tagħha.’
Iżda huwa fatt magħruf li Alex Borg, minkejja li għadu kemm tela’ fil-Parlament, diġà għandu ambizzjonijiet għat-tmexxija tal-PN.
Persuni midħla ta’ Għawdex jgħidu li Borg jipproġetta lilu nnifsu bħala Kap potenzjali u saħansitra jiltaqa’ ma’ personaġġi, minn barra l-kostitwenza tiegħu, u anke persuni minn barra l-PN, fosthom opinjonisti ‘biex jisma’ min¬għandhom.’
Minkejja li l-kostitwenza tiegħu hija Għawdex, Borg tarah jikkampanja kullimkien.
Ħafna jqisu din it-tattika bħala mezz kif Borg jidħol fil-kotba t-tajba ta’ dawn in-nies ħalli, kif kien hemm min qal lill-Kulħadd, ‘iwitti triqtu, tal-inqas hekk jaħseb, għall-kariga ta’ tmexxija fil-PN.’
Imma għandu problema
Alex Borg xejn mhu popolari mal-fazzjoni estremista li tmexxi l-PN, u lil Bernard Grech, minn imnieħru. Lanqas mhu popolari ma’ deputati oħrajn, barra din il-fazzjoni, li jarawh ‘populist,’ ‘showy,’ u ‘moħħu biex jidher’ u ‘jiżżattat.’
Iżda l-akbar problema tiegħu hi mal-fazzjoni estremista. Il-Kulħadd infurmata li nies bħal Karol ¬Aquilina, ¬Simon Busuttil, Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami lil Borg ma jġibuhx u li dawn se jagħmlulu l-ħajja politika tiegħu diffiċli ħafna jekk beħsiebu javvanza fil-PN.
Jilgħaq lil ta’ Delia
Alex Borg huwa viċin ħafna tal-eks kap Nazzjonalista fallut, Adrian Delia. Tant illi jattendu attivitajiet ta’ xulxin u meta wieħed mix-xufiera ta’ Delia jagħmel xi ikla d-dar tiegħu, Borg ikun dejjem mistieden.
Madankollu, persuni midħla tal-PN f’Għawdex qalu lill-Kulħadd li meta 17-il Blue Hero kienu għaddejjin b’kampanja feroċi biex iqaċċtu lil Delia minn Kap, Alex Borg li dak iż-żmien kien għadu kandidat, u mhux deputat Nazzjonalista, ftit li xejn ħareġ għonqu għal ‘sieħbu’ Delia għax beża’ li jitlef xi voti issa li kien se jkun qed jikkontesta l-ewwel elezzjoni tiegħu.
Gwerra ma’ tal-Ganga
Min jaf it-terren Għawdxi jaf illi ta’ Chris Said, magħrufin bħala tal-Ganga, u Alex Borg, huma fi gwerra kontinwa. Said ħadha bi kbira immens li Borg ġera bih fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, anke jekk il-voti li ġab Borg kienu kollha ta’ Giovanna Debono u bejn Said u Debono wkoll kien hemm gwerra għal snin twal.
In-nies ta’ Said iduru ma’ Għawdex u jagħtu titli lil Borg fosthom ‘Żatat,’ ‘Puppatur,’ ‘Tfal u Pożi,’ ‘Ambizzjuż,’ ‘Fanfru’ u ‘Lagħqi.’
Borg, min-naħa tiegħu, jirreċiproka billi joqgħod jgħid lin-nies kemm jagħmlulu ħsara ta’ Chris Said.
Din il-gwerra bejn tal-Ganga u Alex Borg ħarġet fid-deher dan l-aħħar meta Chris Said, għalkemm mhuwiex il-kelliem Nazzjonalista għal Għawdex, liema kariga hi f’idejn Borg, ħareġ jgħid illi l-Ministeru għal Għawdex għandu jitneżża’ mill-poteri tiegħu u minflok jinħoloq Kunsill Reġjonali għal Għawdex.
Nies li jafu sew x’qed jiġri Għawdex qalu li Said ried jagħti daqqa lil Borg li għandu ambizzjonijiet li, jekk xi darba l-PN ikun fil-Gvern, ikollu f’idejh il-Ministeru għal Għawdex.
Dwar il-pożizzjoni ta’ Said, Alex Borg ma qal xejn fil-midja. Stramba meta jħobb jinforma lill-poplu kollu b’kull ħaġa li jagħmel permezz tas-selfies.
Urta lis-Sindku PN tar-Rabat, Għawdex
Brian Azzopardi huwa s-sindku Nazzjonalista tar-Rabat, Għawdex. Familja tradizzjonalment Nazzjonalista u stabbilita f’Għawdex. Anke lil dawn, Alex Borg irnexxielu jurtahom.
F’Ottubru li għadda, Alex ‘Mr Facebook’ Borg, qajjem rabja fost ir-rappreżentanti tal-Kunsill tar-Rabat, Għawdex, li hu mmexxi mill-Partit tiegħu stess, wara li biex mingħalih jidher ħelu, uża l-kwistjoni ta’ gabbana li twaqqfet fil-Wied ta’ Żejta u attakka il-preżenza ta’ din il-gabbana.
Irriżulta li d-deċiżjoni li l-gabbana tintrama b’mod temporanju nhar ta’ Ġimgħa, Sibt u Ħadd fl-istess post ittieħdet mill-istess Kunsill tar-Rabat, Għawdex, b’maġġoranza Nazzjonalista mmexxi mis-Sindku Brian Azzopardi.
Din l-okkażjoni, oħra f’sensiela biex Borg, mingħalih, jidher ħelu, urtat bil-kbir lil ta’ Azzopardi.
Ħarġulu lil Beppe Galea
Bernard Grech, lil Alex Borg, xejn ma jġibu. Issa li jirriżulta li Chris Said qata’ qalbu u mhux se jerġa’ joħroġ għall-¬elezzjoni ġenerali, Bernard Grech, jew aħjar il-fazzjoni estremista li tmexxih minn imnieħru, ħarġu lil Beppe Galea bħala kandidat.
Galea huwa intimu mal-familja tal-kap Nazzjonalista. Huwa wkoll viċin ħafna ta’ Chris Said u ta’ ħuh Edward Said, is-Sindku Nazzjonalista tan-Nadur. Ta’ Said, u l-PN, u Bernard Grech, u l-fazzjoni estremista, issa se jimbuttaw lil Galea meta tasal elezzjoni ġenerali oħra, bit-tama li jaqtgħu ġwejnaħ Alex Borg.
Galea għandu esperjenza fil-politika internazzjonali u jingħad li mhuwiex ‘showy’ bħal Borg.
Konservattiv, tal-inqas fi kliemu
Fuq materji progressivi, Alex Borg, tal-inqas fi kliemu, konservattiv bħal Adrian Delia. Min jafhom it-tnejn iqis din il-ħaġa stramba, speċjalment meta ġejja minn Delia u Borg! Persuni midħla ta’ Għawdex jgħidu li Borg jagħżel li, bi kliemu, fil-pubbliku, jilgħabha tal-konservattiv ħalli ‘jżomm il-voti ta’ faxxa konservattiva, Nazzjonalista, f’Għawdex.’
Borg u l-Forti Chambray
L-interess personali, u dirett, li Alex Borg, qed juri f’kull fażi tal-iżvilupp privat fil-Forti Chambray, fil-limiti ta’ Għajnsielem, qanqal dubji serji fi ħdan il-Partit tiegħu stess. Borg ħareġ aktar minn triqtu biex jiddefendi l-proġett li qed jiġi propost, daqslikieku kien xi proġett tiegħu stess.
Waqt li kien mistieden f’dibattitu ta’ Jon Mallia, Alex Borg tkellem b’ċerta konvinzjoni dwar dak li kellhom f’moħħhom l-iżviluppaturi u anke x’jiġri jekk dawn ma jimxux ma’ dak li hu ddikjarat fil-kuntratti li jorbtu kull żvilupp fis-sit storiku. Dan qanqal dubji serji fi ħdan il-PN.
Il-Kulħadd infurmata li membri tal-fazzjoni estremista Nazzjonalista għandhom għajnejhom fuq Borg f’dan ir-rigward.
Għandhom għajnejhom fuq Borg fuq materji oħra, speċjalment dwar l-allegat qrubija tiegħu ma’ individwi fin-negozju, bħalma huma żviluppaturi f’Għawdex u lil hinn minnu.