Żagħżugħ ta’ 22 sena ngħata sentenza sospiża wara li ġie mixli li, fl-2023, imbotta raġel ieħor li kien fis-sakra fir-Rabat, bil-konsegwenza li poġġielu ħajtu f’riskju serju.
Fil-Qorti ġiet spjegata s-sekwenza ta’ kif ġara l-każ, fejn ingħad li l-akkużat kien xtara xi pastizzi u, wara, mar fuq bank ma’ sħabu fil-parkeġġ, magħruf bħala l-Għalqa ta’ Kola.
Kien hawn li l-vittma, li kien xurban, allegatament dejjaq lill-imputat, li imbottah u waqqgħu, fejn spiċċa ħabat rasu mal-art u ntilef minn sensih.
Meta ttieħed l-Isptar Mater Dei, il-vittma ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li għal xi żmien kien fil-periklu tal-mewt fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, l-ITU.
Fix-xhieda tiegħu, l-imputat innota kif il-vittma anke wettaq atti indiċenti fuq il-post, fosthom li qeda l-bżonnijiet tiegħu fil-pubbliku, waqt li beda jisfidah u jipprova jmisslu wiċċu. Xi ħaġa li ġiet kontradetta minn xhieda oħrajn.
Wara li ntwerew filmati ppreżentati quddiemha, il-Maġistrat Rachel Montebello sostniet li l-aġir tal-imputat kien wieħed kundannabbli meta mqabbel mal-periklu li kien ppreżentat mill-persuna fis-sakra.
Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet li l-imputat ħaqqu piena ta’ 16-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Dan filwaqt li nħarġet anke ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma għal tliet snin.
Ma’ dan, ġie mmultat elfejn, seba’ mija u erbgħin ewro fi spejjeż tal-Qorti.