L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li din l-esebizzjoni fil-foyer tal-Parlament hija aktar minn sempliċi wirja artistika – hija xhieda ħajja ta’ tama, kuraġġ u r-rieda tal-bniedem li jsib il-fejqan u jibni futur aħjar. L-opri esebiti mhumiex biss pitturi jew biċċiet ta’ arti, imma huma espressjoni intima ta’ feriti li nbidlu f’saħħa, maħluqa waqt sessjonijiet terapewtiċi mmexxija mill-Victim Support Agency. Din l-Aġenzija, fi ftit snin biss, irnexxielha tkun l-ankra għal eluf ta’ vittmi ta’ kriminalità u qed twassal messaġġ ċar li ħadd m’għandu jibqa’ waħdu fil-ġlieda għall-ġustizzja u d-dinjità.

L-Ispeaker qal li fl-erba’ snin mit-twaqqif tagħha, il-Victim Support Agency offriet appoġġ lil aktar minn 6,000 persuna u serviet ta’ vuċi għal dawk li ta’ spiss jibqgħu fis-skiet. Din l-esebizzjoni qed issir fil-ġimgħa ddedikata għall-Jum Ewropew għall-Vittmi tal-Kriminalità, osservat fit-22 ta’ Frar, jum li jfakkar fid-dmir kollettiv tas-soċjetà biex tipprovdi sostenn lil min għadda minn esperjenzi iebsa. Huwa saħaq li l-Parlament mhux se jonqos milli jassumi r-responsabbiltà tiegħu f’dan il-qasam u fakkar kif il-Kumitati parlamentari ilhom jisimgħu b’attenzjoni lil organizzazzjonijiet, professjonisti u vittmi biex jifhmu l-isfidi li jiffaċċjaw u jaħdmu biex itejbu s-servizzi offruti.
L-Ispeaker kompla billi qal li l-ġlieda kontra l-vjolenza mhijiex biss xogħol tal-istituzzjonijiet, iżda hija wkoll dmir kollettiv ta’ kulħadd. Huwa rringrazzja lill-Victim Support Agency u lil kull min ħadem biex din l-esebizzjoni ssir realtà, b’mod speċjali lil dawk li sabu l-kuraġġ jesprimu t-tbatija tagħhom permezz tal-arti. “Soċjetà li ma tiddefendix lill-vittmi hija soċjetà li tagħti lok għall-abbuż,” sostna l-Ispeaker, u appella biex kulħadd jagħti sehmu biex jinbena ambjent ta’ ġustizzja, solidarjetà u rispett lejn min hu fil-bżonn.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri spjega kif fl-aħħar snin sar shift importanti fi ħdan il-Ministeru responsabbli mill-Intern favur aktar servizzi lill-vittmi. Huwa rrefera għal firxa ta’ servizzi li toffri l-Victim Support Agency permezz ta’ diversi professjonisti.
Huwa wkoll irrefera għall-Gender based and Domestic Violence Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li wkoll twaqqaf fl-aħħar snin. Il-Ministru Camilleri aċċenna għall-ħolqien tal-ewwel hub tax-xorta tiegħu f’Santa Luċija. Ċentru ieħor huwa ppjanat li jiftaħ fl-Imtarfa. Dawn is-servizzi wasslu wkoll sabiex aktar persuni qed jirrapportaw każi ta’ vjolenza domestika, li probabbilment kienu jkunu mhux rappurtati fis-snin ta’ qabel.
Graziella Attard Previ, f’isem l-Oppożizzjoni, bdiet billi wriet l-apprezzament tagħha lill-VSA (Victim Support Agency) li taħdem biex tappoġġja u tagħti sostenn lill-vittmi tal-kriminalità li minħabba ċ-ċirkostanzi li sabu ruħhom fihom intortamentikunu għaddejjin minn tbatija, minn emozzjonijiet diffiċli li saħansitra jistgħu jwasslu għal konsegwenzi psikoloġiċi jew saħanistra ta’ saħħa fiżika wkoll. Hija tkellmet dwar kif bħala soċjetà rridu naħsbu f’kulħadd u b’mod speċjali f’min huwa fil-bżonn tal-għajnuna u nuruh aktar empatija billi nippruvaw nifhmu l-bniedem minn xiex ikun għadda jew għadu għaddej.
Attard Previ saħqet li l-kliem biss ma jwassal imkien. Il-‘miskin’ u l-‘jaħasra’ biss ma jsolvu xejn. Qalet li għalhekk hemm bżonn ta’ sapport morali, sapport psikoloġiku u sapport legali biex il-bniedem li jkun safa vittma jiġi megħjun.
Fl-aħħar nett hija semmiet lill-vittmi tal-vjolenza domestika u kif dawn għandhom jingħataw is-sapport kollu possibbli. Temmet tgħid li b’dispjaċir tixtieq ninnota li f’dan il-qasam għad hawn ħafna ‘victim blaming’ meta l-vittma tingħata l-ħtija għal dak li tkun qiegħda ssofri minnu.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Victim Support Agency is-Sur Brian Farrugia