Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, akkumpanjat minn delegazzjoni mill-Malta Enterprise u INDIS Malta, żaru l-Ġappun, għal-laqgħat bi preparamenti ta’ pajjiżna għall-Osaka Expo 2025. Dan l-avveniment globali prestiġjuż se jservi bħala pjattaforma biex jissaħħu r-relazzjonijiet internazzjonali u jgħollu l-preżenza ta’ Malta fil-palk dinji.
Matul iż-żjara tiegħu f’Tokyo, il-Ministru Silvio Schembri ltaqa’ mal-Viċi Ministru għall-Ekonomija, Negozju u Industrija fil-Ġappun Shinji Takeuchi fejn iddiskutew ir-rabtiet bilaterali u ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi partikolarment fis-settur diġitali.
Il-ministru attenda wkoll għal numru ta’ laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin fil-Ġappun, fosthom Keidanren – il-Federazzjoni għan-Negozju fil-Ġappun, Forbes Japan u l-Malta – Japan Friendship Group immexxi minn Yasutoshi Nishimura. Id-diskussjonijiet li għalihom kien preżenti wkoll il-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Barranin Ġappuniż Hisayuki Fujii, fejn saħqu fuq ir-relazzjonijiet diplomatiċi u ekonomiċi b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi. Relazzjonijiet li jmorru lura 60 sena u li huma mibnija fuq ir-rispett reċiproku, il-valuri u l-istorja komuni fil-qasam marittimu. Il-Ministru Silvio Schembri enfasizza fuq l-impenn li għandu l-Gvern Malti li jkompli jibni fuq dawn ir-relazzjonijiet b’saħħithom fis-snin li ġejjin.
F’Osaka, il-ministru, kellu wkoll diskussjonijiet ma’ Kankeiran – il-Federazzjoni Ekonomika ta’ Kansai, kif ukoll żar ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għas-sit tal-Padiljun ta’ Malta għal OSAKA 2025 Expo. Il-ministru saħaq fuq l-importanza tal-Expo, fejn iddeskriviha bħala ferm aktar minn sempliċiment avveniment, imma opportunità unika biex jissaħħu r-relazzjonijiet internazzjonali u npoġġu lil pajjiżna fuq il-palk dinji.
Id-delegazzjoni Maltija żaret ukoll diversi kumpaniji fejn ġew esplorati l-possibbiltà li n-negozju bejn iż-żewġ pajjiżi jmur lil hinn mill-esportazzjoni tat-tonn. Din l-industrija fil-preżent tiddomina l-attività ekonomika bejn Malta u l-Ġappun. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-twessigħ tal-kollaborazzjoni ekonomika, b’mod partikolari fil-qasam marittimu, l-avjazzjoni, il-video game development, blockchain u s-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, il-ministru ltaqa’ wkoll mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Hiroshima, fejn ġew esplorati s-sħubijiet ekonomiċi, bejn iż-żewġ pajjiżi.
Saru wkoll laqgħat strateġiċi mal-Japan External Trade Organisation u l-Japan Overseas Investment Agency, fejn ġew diskussi l-opportunitajiet ta’ investiment u t-tkabbir tal-koperazzjonijiet ekonomiċi.
Din iż-żjara qed tkompli tenfassiza r-rwol li qed jieħu pajjiżna biex insaħħu n-networks tan-negozji internazzjonali u nkomplu nsaħħu r-rabtiet ekonomiċi mal-Ġappun, b’hekk inwittu t-triq għall-aktar negozju, investiment u kollaborazzjoni fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru Silvio Schembri kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti għall-Ġappun Andre Spiteri; is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Godwin Mifsud; il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise George Gregory; u l-Kap Eżekuttiv ta’ INDIS Malta Jean Pierre Attard.