Intervent li sar mill-President tal-Kamra tal-Avukati, Dr Peter Fenech, fuq ir-Radju tal-Knisja kompla jikkonferma li l-unika ħaġa mgħaġġla fir-riforma tal-inkjesti, kienet l-istqarrija uffiċjali tal-istess Kamra.
Dan hekk kif l-eks Chairman tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista u anke sieħeb fin-negozju ma’ Simon Busuttil fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, tħalla waħdu jipprova jiddefendi stqarrija li nħarġet mill-Kamra tal-Avukati b’attakk kontra r-riforma fl-inkjesti.
Il-gazzetta It-Torċa żvelat li kien hemm anke abbozz ta’ stqarrija oriġinali, li tirrifletti l-pożizzjoni ta’ avukati membri speċjalizzati fil-qasam kriminali. Iżda Peter Fenech iddeċieda li din ma kellhiex tara d-dawl tax-xemx u, minflok, ħarġet stqarrija oħra wara li kkonsulta ma’ min deherlu hu.
L-istqarrija uffiċjali tattakka din ir-riforma fuq il-premessa żbaljata u narrattiva qarrieqa tal-Partit Nazzjonalista u l-fazzjonijiet estremi tiegħu, jiġifieri li, skonthom, ir-riforma se tneħħi xi dritt liċ-ċittadini.
“Tolqot speċifikament lis-soċjetà ċivili hi emenda li tieħu xi ħaġa importanti ħafna mingħand in-nies.”
Is-sabiħa hi li meta mitlub jissustanza din il-pożizzjoni, Fenech wera biċ-ċar li l-elementi ċentrali u bażiċi f’din ir-riforma lanqas biss kien jafhom.
“Hekk int trid tmur għand il-Pulizija u jiddeċiedi l-Pulizija u għandhom sentejn biex jiddeċiedu jekk iridux biex jinvestigaw jew le, imbagħad, wara tista’ tmur għand il-maġistrat.”
Fil-verità, mhuwiex il-każ li l-Pulizija se jkollhom sentejn biex jinvestigaw jew li ċ-ċittadin se jkollu jistenna sentejn biex ikollu rimedju.
Ir-riforma tipprovdi li ċittadin għandu jirrapporta lill-Pulizija u, jekk wara sitt xhur ma jkunx hemm eżitu tal-investigazzjoni, jiddaħħal dritt ġdid għall-ftuħ ta’ inkjesta quddiem il-Qorti Kriminali.
Altru milli tneħħa d-dritt, iżda dan issaħħaħ u elevat għal quddiem Qorti preseduta minn imħallef.
Daqstant ieħor, deher konfuż meta mistoqsi dwar il-misinformazzjoni u spin tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li qed tgħid li l-Gvern b’din ir-riforma irid joqtol l-inkjesti.
“Le l-liġi tgħidlek li jridu jingħalqu fi żmien sentejn. Aħna naħsbu li din mhux realistika, correct ma jistax ikun allura, inti semmejtli ta’ Karin Grech, jiena nemmen li dak hu hi emenda li probabbilment ħarbitilhom mill-ħsibijiet tagħhom u għalhekk nerġa’ mmur lura lejn il-bidu nett din trid tiġi diskussa bil-kalma u mhux bil-għaġġla”.
Lil hinn mir-retorika tal-għaġġla ta’ Peter Fenech, il-Gvern diġà ċaħad li jrid joqtol xi inkjesta, iżda r-riforma se tipprovdi terminu li fih għandha tkun konkluża inkjesta.
Minn hemm, l-istess inkjesta tmur għand l-Avukat Ġenerali li tiddeċiedi li jekk jinbdewx il-proċeduri jew jintbagħtu l-atti lura lill-Maġistrat u, għaldaqstant, titkompla l-inkjesta, fejn jibdew jgħaddu sentejn oħra, inkella tibgħat l-atti lill-Pulizija biex tkompli tinvestiga.
Fuq kollox, però, il-kruċjata kontra t-terminu tal-inkjesti qed issir fl-interess ta’ dawk li qed jittamaw li l-inkjesti li hemm fil-konfront tagħhom jibqgħu ma jiġux konklużi.
Inkluż l-eks Deputat Nazzjonalista u avukat tal-għaqda Republika, Jason Azzopardi, li hu stess jinsab suġġett ta’ inkjesta fiż-żmien meta kien Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet.
Sadanittant, fuq ir-Radju tal-Knisja, Dr Peter Fenech, li minbarra l-President tal-Kamra tal-Avukati, hu wkoll l-avukat tal-espert li tħallas il-miljuni, Jeremy Harbinson, u ma jridx jiġi lura Malta biex jixhed fuq ix-xogħol li għamel fl-inkjesta tal-isptarijiet, ma rrefera xejn għat-tibdil marbut mal-ħatra tal-esperti.
Sitwazzjoni li qed tqajjem mistoqsijiet kbar fiċ-ċrieki legali dwar il-konflitt fir-rwoli ta’ Dr Fenech u l-interessi ta’ min qed jirrappreżenta legalment.