B’mod immedjat se jkunu qed jidħlu fis-seħħ numru ta’ regolamenti aktar stretti dwar iż-żamma ta’ annimali eżotiċi f’pajjiżna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet minn diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali intqal li dawn l-aħħar snin daħlu diversi rapporti dwar annimali perikolużi mhux irreġistrati, li qajmu t-tħassib kemm dwar il-benesseri tal-annimali kif ukoll dwar is-sigurtà pubblika.
U kien għalhekk li 25 NGO pproponew diversi miżuri, fosthom amnestija għal annimali perikolużi mhux irreġistrati, identifikazzjoni obbligatorja, tiswija obbligatorja tal-annimali biex tiġi evitata t-trobbija illegali u infurzar aktar strett u kampanji ta’ għarfien pubbliku.
Bħala parti minn dawn l-inizjattivi, qed jiġi propost perjodu ta’ reġistrazzjoni ta’ 90 jum fejn is-sidien ta’ annimali perikolużi mhux irreġistrati jridu jikkonformaw mar-regolamenti aġġornati.
L-annimali kollha irreġistrati, u dawk li se jiġu irreġistrati mill-ġdid, ikunu suġġetti għal tiswija obbligatorja fi żmien sitt xhur, sakemm ma jkunux eżentati skont linji gwida speċifiċi.
Is-sidien u d-detenturi jkollhom bżonn ċertifikat ta’ kompetenza biex jiżguraw li l-kura tingħata b’mod responsabbli u li l-istandards tal-benesseri tal-annimali jiġu rispettati.
L-applikanti jridu jissottomettu d-dettalji kollha meħtieġa, inkluż identifikazzjoni permanenti tal-annimal, prova ta’ żamma adegwata u miżuri biex jiżguraw kemm il-benesseri tal-annimal kif ukoll is-sigurtà pubblika.
Se jkunu approvati biss dawk l-applikazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati, u d-Direttur tar-Regolament Veterinarju għandu d-dritt li jirrifjuta applikazzjonijiet li jitqiesu inadekwati jew li joħolqu riskji għas-sigurtà pubblika. Is-sidien li jirreġistraw l-annimali b’suċċess se jiġu inklużi fir-Reġistru Nazzjonali tal-Annimali Perikolużi wara verifika u spezzjoni mill-awtoritajiet.
Wara l-perjodu ta’ 90 jum, se jiġu implimentati miżuri ta’ infurzar aktar stretti. Individwi li jinstabu fil-pussess ta’ annimali perikolużi mhux irreġistrati jew li jiksru r-regolamenti se jiffaċċjaw: sekwestru tal-annimal, multi amministrattivi bejn €8,000 u €15,000 għal kull annimal, multi li jvarjaw minn €2,000 sa €65,000 u sa tliet snin ħabs fuq l-ewwel kundanna, b’penali akbar għal reati ripetuti.
L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bl-idejn lill-Direttur tad-Direttorat tar-Regolament Veterinarju fit-Taqsima tal-Ħarsien tal-Annimali, fi Ħdan id-Direttorat tar-Regolament Veterinarju, Triq il-Biċċerija, Albert Town, Marsa – MRS 1123.
Talba għal appuntament biex tiġi sottomessa applikazzjoni u kull kjarifika jew mistoqsijiet relatati mal-applikazzjoni jista’ jsir billi ċċempel fuq 205326292 jew 20532625 jew tibgħat email fuq: veterinaryregulation.mafa@gov.mt.
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali jibqa’ impenjat li jħares is-sigurtà u jiżgura l-benesseri tal-annimali kollha, kif ukoll is-sigurtà pubblika.