Il-kantanta ta’ fama mondjali Shakira ddaħlet l-isptar issofri minn uġiegħ fl-istonku bil-konsegwenza li kellu jiġi kkanċellat il-kunċert li kellha tati lbieraħ fil-Peru.
Fuq is-sit tal-mezzi soċjali, hija kitbet li kellha tmur id-dipartiment tal-emerġenza minħabba problemi fl-istonku fejn żammewha għall-osservazzjoni u li ma kinitx f’qagħda li tati l-kunċert. Hija żiedet li kienet qed tittama li toħroġ kemm jista’ jkun malajr sabiex tesebixxi ruħha.
Il-kantanta Kolumbjana waslet Lima s-Sibt b’mijiet ta’ segwaċi jilqgħuha fl-ajruport. Hija bdiet it-tour tagħha l-ġimgħa l-oħra fil-Brazil ftit ġranet biss wara li rċeviet Grammy award għall-aqwa album Latin pop li ddedikat lill-immigranti fl-Istati Uniti li qed jiffaċċjaw deportazzjoni taħt il-Presidenza ta’ Donald Trump. Sa l-aħħar ta’ Ġunju hija mistennija tieħu sehem f’madwar 50 kunċert fl-Amerika t’Isfel segwieti minn aktar dati fl-Istati Uniti u l-Kanada.
L-aktar diska popolari tagħha s’issa hija ‘Hips Don’t Lie’ flimkien ma Wyclef Jean.