Matul tmiem il-ġimgħa, mil-anqas 9 persuni tilfu ħajjithom hekk kif xita torrenzjali niżlet fix-Xlokk tal-Istati Uniti bil-konsegwenza li għerqu toroq u djar.
Il-gvernatur ta’ Kentucky qal li 8 persuni kienu rrappurtati mejta fl-Istat tiegħu fejn in-numri possibilment jistgħu jkomplu jiżdiedu.
Mijiet ta’ persuni li inqabdu fl-ilmijiet, ħafna minnhom fil-karozzi, kienu salvati hekk kif ħarġu twissijiet biex ħadd ma joħroġ fit-toroq.
Id-disa’ vittma kien raġel rieqed fis-sodda fil-Georgia li intlaqat minn siġra li inqalet minn posta u daħlet f’daru.
L-istati affetwati mill-maltemp kienu Kentucky, Georgia, Alabama, Mississippi, Tennessee, Virginia, West Virginia u North Carolina li kważi kollha kienu sofrew danni kbar f’Settembru li għadda mill-urugan Helene. Bejniethom, f’dawn it-tmien stati, aktar minn nofs miljun dar spiċċat bla dawl il-Ħadd filgħaxija.
Rapporti uffiċjali ħabbru li mistenni aktar għargħar filwaqt li f’Colorado t-temperaturi mistennija jinżlu anke sa għaxra taħt iż-żero.