Il-Partit Laburista, jinsab minn fuq skont is-sondaġġi minn diversi gazzetti differenti.
Skont it-Times, il-Partit Laburista, jinsab minn fuq b’51.5%, jiġifieri 6.5% aktar mill-Partit Nazzjonalista.
Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 45%, bit-tielet partiti jiksbu 3.5%. B’hekk, skont it-Times, il-Partit Laburista jinsab b’18,700 minn quddiem, kieku jkollha tiġi elezzjoni issa.
Dan filwaqt li l-fiduċja fil-Prim Ministru, hija l-aktar għolja mill-elezzjoni ġenerali tal-2022, fejn il-Partit Laburista rebaħ din l-elezzjoni b’maġġoranza storika – bit-trust rating ta’ Bernard Grech huwa ferm inqas minn tal-Prim Ministru.
Skont it-Times, il-Partit Laburista qed jattira wkoll votanti ġodda.
Is-sondaġġ tal-MaltaToday, ukoll juri li l-Partit Laburista, jinsab minn quddiem b’maġġoranza ta’ madwar 12,000 vot jew b’48.2%. Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista, kiseb 43.9%. It-trust rating tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, huwa ta’ 46.8%, filwaqt li dak tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, huwa ta’ 24.7%.
Iż-żewġ sondaġġi wrew ukoll titjib fil-prestazzjoni tal-Gvern.
It-Times jindika li l-prestazzjoni tal-gvern qed titjieb f’għajnejn il-pubbliku, fejn dawk li pparteċipaw taw punteġġ ta’ 2.98, ogħla minn edizzjonijiet preċedenti tal-istħarriġ. Anke fl-istħarriġ tal-MaltaToday, kien hemm żieda ta’ dawk li taw punteġġ pożittiv il-prestazzjoni tal-Gvern.
Sadanittant, il-MaltaToday, ikkonfermat ukoll in-nuqqas ta’ popolarità ta’ Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, filwaqt li nnotat li l-effetti tal-baġit ‘Pajjiż ta’ Kwalità’ għadhom qed jinħassu fost il-poplu.
Skont dan l-istess sondaġġ, il-pensjonanti u ż-żgħażagħ jippreferu lill-Partit Laburista. Fost il-persuni li għandhom aktar minn 65 sena, il-Partit Laburista qed igawdi minn 17-il punt fuq il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Laburista qabeż ukoll lill-Partit Nazzjonalista, fil-grupp t’etajiet ta’ bejn is-sittax u l-ħamsa u tletin, bi tmien punti.