F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, l-imsieħba soċjali flimkien mal-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, u ċ-Chairperson tal-MCESD David Xuereb, iddiskutew l-Istrateġija Nazzjonali għar-Riforma fis-Sistema għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet u l-importanza ta’ din ir-riforma.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi, spjega kif din ir-riforma twassal biex sal-2035, Malta ssir żona ta’ reġistrazzjoni għall-propjetà’, filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ sistema ta’reġistrazzjoni tal-art aġġornata li toffri servizz professjonali lill-klijenti u anke lill-professjonisti involuti.
“Id-Diskussjoni fi ħdan l-MCESD, ir-riforma fir-reġistru tal-artijiet kienet opportunità biex it-18 ir-rakkomandazzjoni li resqu ‘l quddiem, ikollna diskussjoni mil aktar wiesgħa dwarha. Kienet opportunità biex niġbru aktar feedback nisimgħu aktar u nifhmu kif nistgħu nsaħħu aktar dan ir-reġistru tant importanti fit-tipi ta’ proprjetà f’pajjiżna.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul innota wkoll il-pjattaforma tal-MCESD u qal li permezz tagħha qed jiġi ffaċilitat l-implimentazzjoni tal-policies ewlenin tal-Gvern.
“Illum flimkien ma-imsieħba soċjali iddiskutejna din ir-riforma tant importanti għar-reġistrazzjoni tal-artijiet f’pajjiżna, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li aktar minn 80% tal-poplu Malti huwa sid tal-proprjetà, allura din se tati serħan il-moħħ lill-ħafna familji.”
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul
Iċ-Chairperson David Xuereb qal li permezz ta’ din sistema, il-proċess ser jwassal għal aktar trasparenza u effiċjenza fil-proċess.
“Naħseb li r-riforma li l-imsieħba laqgħu bi pjaċir, però, dak il-ħsieb, dawk il-konsiderazzjonijiet, suġġerimenti li l-Ministru mhux biss irnexxilu jirrispondi u jindirizza, imma wkoll taken on board, biex il-liġi tkun fl-aqwa format possibbli meta tiġi mnedija.”
Iċ-Chairperson tal-MCESD David Xuereb