Meta kienu qed jieħdu sehem fil-programm ‘Id-Dibattitu’ fuq ONE, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u d-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini ħareġ biċ-ċar kemm il-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli jitkellem fuq l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja.
Bencini qal li bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista, in-negozji jingħataw tax credits biex jittaffa l-piż tal-COLA. Iżda li ma qalx jew ma jafx huwa li din l-għajnuna hija ħafna iktar baxxa mill-għajnuna li qed jagħti bħalissa Gvern Laburista.
“Allura l-COLA fuq is-sena kollha tirriżulta €63 miljun għall-full-time employees – imma ż-żieda fil-paga, il-kumpaniji jistgħu jnaqqsuha mit-taxxa u għalhekk jifdal €41 miljun“
Id-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini
Il-Ministru Caruana rribatta lil Bencini u qallu li Gvern Laburista qed jgħin lin-negozji bid-doppju tal-ammont li qed jgħid li se jagħti l-Partit Nazzjonalista jekk ikun fil-Gvern.
“Ma naqbilx mal-figura b’kemm se jkunu qed jgħinu lill-business – għat-tielet sena konsekuttiva, il-komunità kummerċjali qed tieħu mat-€80 miljun għal sena wara l-oħra, wara l-oħra… Fuq naħa jridu jagħtuhom €40 miljun biex ma jħossux id-daqqiet tal-inflazzjoni u aħna min-naħa tagħha qed nagħtuhom id-doppju – €80 miljun“
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana
Il-Ministru Caruana spjega wkoll id-differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, li tispikka iktar fl-għajnuna lill-ħaddiema. Dan għax b’dak li qed jagħti l-Gvern f’sena, il-Partit Nazzjonalista kieku jdum erba’ snin sabiex jagħti żieda ekwivalenti lill-ħaddiema.
“Il-PN qed jgħid li se jħallilek fil-but mas-€70 u aħna dawk bi dħul medju se nkunu qed inħallulhom €600 – x’tippreferu s-€70 tal-PN jew is-€600? Din hija d-differenza. Il-PN qed jipprova jkun oriġinali imma fl-oriġinalità kollha l-PN qed ifalli milli verament jagħti dak li verament għandhom bżonn in-nies“
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana
Id-Dibattitu mmexxi minn Manuel Micallef jixxandar nhar ta’ Ġimgħa fid-8.45 ta’ filgħaxija fuq ONE.