Fil-preżenza tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono u l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, l-Awtorità tal-Artijiet ittrasferiet proprjetà fi Triq Fleur-de-Lys, Birkirkara lill-Malta Community Chest Fund sabiex tkun tista’ tintuża bħala parti minn proġett pilota li se jgħin persuni vulnerabbli jgħixu ħajja aktar indipendenti fis-soċjetà tagħna.
II-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li dan il-pass juri l-impenn tal-Gvern biex juża l-assi pubbliċi bl-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju tal-komunità kollha kemm hi. Hu qal li dan il-ftehim huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed jagħti valur soċjali lill-proprjetajiet pubbliċi billi jagħmilhom aktar disponibbli għal inizjattivi li jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.
Filwaqt li rringrazzjat lill-Gvern għal din l-inizjattiva, il-President Spiteri Debono sostniet li l-Malta Community Chest Fund sa mit-twaqqif tagħha, dejjem kellha l-għan li tindirizza l-bżonnijiet tal-vulnerabbli ħalli tkun tista’ tifrex u ssaħħaħ is-servizzi li toffri, fil-qasam soċjali. Semmiet li dan huwa l-ewwel pass fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett pilota.
“Il-Malta Community Chest Fund bħal ma għidt kemm-il darba kemm ili hawn, barra l-kura tal-kanċer u anke kura oħra, għandha rwol soċjali u rridu naraw kif dan l-irwol soċjali, la qed ikollna min jersaq lejna b’ċertu talbiet ta’ bżonnijiet, nissodisfawh.”
Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono