Brian Cini frisk mis-suċċess li kiseb waqt il-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tal-Amateurs lura f’Malta rebaħ it-tieni ranking tournament tal-istaġun meta għeleb lil Chris Peplow, 5-4.
F’din il-finali kien Chris Peplow li ħa vantaġġ tajjeb mill-bidu nett u rebaħ l-ewwel tliet frames fejn fit-tielet frame anke’ wettaq break ta’ 54 punt.
Minkejja li beda ħażin, Brian Cini rnexxielu jirkupra sew tant li rebaħ erba’ frames konsekuttivi inkluż is-sitt frame fejn kien Peplow li bena vantaġġ ta’ 51 punt iżda Cini irrisponda bi break ta’ 62 punt u rebaħ dan il-frame.
Peplow reġa’ gab il-konfront f’parita’ biex il-finali marret għal frame deċiżiv. Fid-disa’ u l-aħħar frame Cini ħa vantaġġ inizjali ta’ 38 għal 2 iżda Peplow meta fuq il-mejda kien fadal il-kuluri biss, naqqas id-distakk għal sitt punti, 38-32. Cini ippojta l-ewwel tnejn u iddefenda b’maskra l-boċċa l-kannella fejn minnha Peplow mar telfa. Min hemm ‘il quddiem Cini ħa l-opportunita’ u b’mod faċli għalaq il-logħba.
Il-punteġġi tad-disa’ frames spiċċaw hekk; 6-62, 30-58, 11-77, 67-52, 74-9, 67-56, 68-18, 18-68 u 62-32.
Aktar kmieni matul ġimgħa fis-semi finali Brian Cini kien rebaħ kontra Joseph Casha filwaqt li Chris Peplow għeleb lil Aaron Busuttil, biż-żewġ semi finali jispiċċaw bi skor finali identiku dak ta’ 4-2.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/14185651/thumbnail_Ranking-No-2-Final-Peplow-vs-Cini.jpg)