Din hi l-koppja Angela u George Briffa minn Ħal Qormi. It-tnejn għalqu d-disgħin sena u, minkejja li għadda dan iż-żmien kollu, għadhom sal-ġurnata tal-lum ma jgħaddux mingħajr xulxin, għax kif jgħid il-Malti l-imħabba ssir iżjed ħelwa maż-żmien.
F’Jum San Valentin, ONE News mar San Vinċenz de Paul fejn hemmhekk iltqajna ma’ din il-koppja li, fil-ħin kemm domna ħdejhom, bdew iġeddu l-memorji tal-passat u jirrakkontaw dwar ħajjithom. Sempliċi, iżda, mżewwaq b’ħafna u ħafna mħabba.
Ma naqasx li t-tnejn joħduna lura u jirrakkontawlna kif iltaqgħu ma’ xulxin, iżda anke meta żżewġġu permezz ta’ ċerimonja sempliċi fil-Knisja ta’ San Ġorġ.
“Din kienet taħdem fl-għaġin, u jien kont naħdem fil-ġebel kellna xi xogħol fl-istess post u ħadna grazzja ma’ xulxin hux… “Jien kont beħsibni nsiefer u ommi alla jaħfrilha kienet biħsiebha tirsisti biex iżżewwiġna u marret hi għand ommha u tgħarrasna… “Konna żżewwiġna l-Knisja ta’ San Ġorġ, konna għamilna t-tieġ ġo garaxx kbir fejn jidħlu x-xarabanks u kien mimli l-garaxx, stennejna sakemm jinfetaħ iż-żfin u qgħadna bilqegħda.”
Wara, il-miżżewġin Briffa kattru l-ulied, fejn it-tnejn li huma ftakru fil-ferħ li ġabet magħha l-ewwel wild u t-tnejn l-oħra li segwew.
“Ġej fit-triq bdew jgħiduli li sirt missier, tifraħ hu, imbagħad, bqajna dejjem inżidu, għandna tlett ibniet. Tħossok f’dinja oħra hux.”
Kemm Angela kif ukoll George jiftakru l-qilla tat-Tieni Gwerra Dinjija u li, meta kienu jisimgħu s-sirena, kienu jiġru jinżlu fix-xelters.
“Niftakarha sewwa l-gwerra jien, niftakar meta daħlu t-Taljani, imbagħad il-Ġermaniżi, fix-xelter tal-ġirien u kulħadd kien imur ħdejn ommu.”
Minn dakinhar li żżewġu, il-koppja Briffa qatt ma ħallew lil xulxin, siefru darba biss, f’Lourdes fi Franza, bl-aħħar sentejn ingħaqdu f’kamra ma’ xulxin f’San Vinċenz, fejn hemmhekk ma jonqoshom xejn.
“Sentejn ilna San Vinċenz de Paul, nieħdu daqsxejn tat-tè filgħodu, nisimgħu quddiesa fuq it-TV, imbagħad noħorġu hemm barra nippassiġġaw u x’ħin jiġi l-ikel nerġgħu nidħlu … dejjem flimkien aħna, daqqa nitlewmu, imma aktar fil-paċi milli fl-inkwiet.”
L-imħabba hi fjura li għandha tingħata l-ilma kuljum, iżda għal George, parti mill-imħabba, kien l-ikel li kienet issajjarlu martu Angela ta’ kuljum.
“Nixtieq ngħidlek li nħobbok, l-imħabba tagħna ejja għamilli hekk, kont insajjar, ravjul, imqarrun il-forn, li kont insib kont nieklu jien kien jgħaddi kollox.”
U hawnhekk ħallejna lill-koppja Briffa jkomplu bil-ġurnata tagħhom ma’ xulxin, fejn filwaqt li sellimnilhom u awgurajnilhom aktar saħħa u għomor, George tefa’ bewsa lil martu Angela b’xhieda ta’ mħabba li ma tmut qatt.