Mal-85 anzjan u anzjana f’San Vinċenz De Paul kellhom l-opportunità jgawdu ikla bi mħabba li nisslet atmosfera ta’ ferħ u għaqda fir-residenza li llum saru jqattgħu l-ġranet kollha tagħhom.
L-attivita nibtet minn idea ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela li, kif qed tagħmel għat-tfal b’Rigal bi Mħabba fil-Milied, issa tibda wkoll inizjattiva għall-anzjani f’Jum San Valentinu.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/14180023/pr250247b-1024x681.jpg)
Dr Abela ħadmet ma’ erba’ mill-parteċipanti ewlenin ta’ MasterChef Malta – Andrew Debattista, Nicholas Bartolo, Florina Silvio u Ian Agius – u mat-tmexxija ta’ San Vinċenz biex ġie ppreparat menu varjat ta’ ikel bnin għall-anzjani li ngħaqdu flimkien għal din l-attività.
Bis-sehem tal-kantanti Glen Vella u Jasmine Abela, ‘Ikla bi Mħabba’ serviet ta’ nofs ta’ nhar ta’ divertiment f’residenza li tilqa’ anzjani li jkollhom jitilqu mill-komunità u jibdew jgħixu taħt il-ħarsien tal-professjonisti, inkluż anzjani li ma tantx jibqgħu jżuruhom qraba u għalhekk jistgħu jiffaċċjaw is-solitudni.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/14180027/pr250247d-1024x681.jpg)
Dr Abela qalet li s-soċjetà Maltija hija mibnija fuq l-imħabba u l-kompassjoni.
“Aħna rridu soċjetà mibnija fuq l-imħabba fejn naħsbu f’xulxin, inħobbu lil xulxin. Ir-residenza SVDP tilqa’ fiha anzjani li m’għadhomx jgħixu fid-djar tagħhom u fil-komunità. L-idea ta’ Ikla b’Imħabba kienet propju biex tati okkażżjoni sabiħa lil dawn ir-residenti.”
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/14180057/pr250247e-1-1024x658.jpg)
Din hija l-ewwel edizzjoni ta’ Ikla bi Mħabba u l-inizjattiva mistennija ssir appuntament annwali biex tilħaq iktar anzjani.
Sadanittant, l-anzjani nfushom esprimew l-apprezzament tagħhom għal din l-attività b’differenza u qalu li qatt ma bassru li kienu se jieħdu daqstant gost.