Numru ta’ atleti, fosthom Keith Demicoli, Suzanne u Joseph Gauci, Mark Piscopo, Matthew Saliba, u Joseph Zammit, se jipparteċipaw fil-Maratona ta’ Malta, li se ssir fit-23 ta’ Frar li ġej.
Dan fi sforz kollettiv biex jappoġġjaw is-servizzi pprovduti minn Hospice Malta.
Mark Piscopo u Davide Patorniti se jieħdu sehem fil-maratona sħiħa ta’ 42K, filwaqt li l-oħrajn se jieħdu sehem fil-maratona ta’ 21K.
Alexia Demicoli, iċ-Chief Relations Officer ta’ Hospice Malta, esprimiet apprezzament għall-atleti, u qalet li Hospice Malta hi tassew grata lejn dawn l-atleti li għażlu li jieħdu sehem fil-Maratona ta’ Malta b’appoġġ għal Hospice.
Hi temmet tgħid li l-pubbliku qed ikun imħeġġeġ biex jappoġġja lil dawn l-atleti fl-isforzi tagħhom ta’ ġbir ta’ fondi, peress li kull kontribuzzjoni tagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ dawk li jiddependu fuq dawn is-servizzi – li kollha jingħataw mingħajr ħlas, temmet tgħid.
Hospice Malta qed tistieden lil kull min jixtieq jappoġġja l-kawża biex jikkunsidra li jiġbor fondi għall-organizzazzjoni. Dawk interessati jistgħu jikkuntattjaw lil Hospice Malta direttament fuq info@hospicemalta.org biex jitgħallmu aktar dwar kif jistgħu jikkontribwixxu.