Waqt it-tnax il-edizzjoni tas-Summit tal-Gvernijiet tad-Dinja ġewwa Dubaj bit-tema ‘Shaping Future Governments’, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli nħatret Chairperson tal-Kunsill Globali fuq l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) 7 – Enerġija Affordabbli u Nadifa.
Flimkien mal-Viċi Chairperson Mohamed Jameel Al Ramahi, Kap Eżekuttiv tal-Masdar, il-Ministru Dalli ser tkun qed tokkupa dan l-irwol sal-2026 bħala parti minn din l-inizjattiva imwaqqfa mill-Emirati Għarab Magħquda.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li permezz tal-Kunsill Globali dwar l-SDG 7, se taħdem favur azzjoni kollettiva fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa fuq livell globali u jiġi żgurat progress lejn dan l-għan.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/13144843/pr250236a-1024x682.jpeg)
“Huwa unur għalina bħala pajjiż li ntgħażilna biex immexxu l-SDG ta’ enerġija affordabbli u enerġija nadifa. Il-politika li nħaddnu f’Malta qed tiġi rikonoxxuta. Dan ir-rwol huwa marbut sew mal-ħidma kontinwa tal-UN li tippromwovi approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni tal-SDGs, fejn l-enerġija affordabbli u nadifa hija pilastru ewlieni. Se nkomplu nħaddnu din il-politika fuq pjattaformi internazzjonali, u nkomplu nimbuttaw enerġija aktar nadifa, affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li nsaħħu l-isħubija ma’ pajjiżi oħra fir-reġjun u lil hinn minnu. Inħares ’il quddiem biex naħdem mill-qrib ma’ ministri oħra ta’ pajjiżi diversi li se jkunu qed imexxu SDGs differenti,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Matul dawn il-jumejn il-Ministru Miriam Dalli pparteċipat fil-laqgħa tal-ministri fejn ġiet enfasizzata l-urġenza ta’ azzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi globali inkluż dawk marbutin mat-tibdil fil-klima filwaqt li jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. F’diskussjonijiet paralleli, ġie enfasizzat li l-blue economy hija parti essenzjali mill-isforzi globali għall-implimentazzjoni tal-SDGs.
F’laqgħa bilaterali ma’ Amna Al Dahak, il-Ministru għat-Tibdil fil-Klima u l-Ambjent tal-Emirati Ġnus Magħquda, ġew diskussi possibilitajiet ta’ kollaborazzjonijiet bilaterali partikolarment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ilma, l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, fost l-oħrajn.
Sadanittant, Malta ser tkun qed tippreżenta t-tieni Voluntary National Review dwar l-implimentazzjoni tas-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli (HLPF) tal-Ġnus Magħquda ġewwa New York fl-Lulju li ġej.