Il-Partit Nazzjonalista ma ħax sehem fil-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija nazzjonali għas-saħħa sesswali.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Partit Laburista, b’reazzjoni għall-istqarrija mill-Partit Nazzjonalista dwar l-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Sesswali, fejn ġie nnotat li din l-istqarrija ġiet ippubblikata l-għada li għalqet il-konsultazzjoni.
Intqal li dan jixhed li l-Partit Nazzjonalista reġa’ qagħad ‘il bogħod minn proċess importanti u sensittiv li għandu jgħaqqad lis-soċjetà tagħna u mhux jifridha għal skopijiet partiġjani.
Il-Partit Laburista qal li dan in-nuqqas t’involviment joħloq tħassib meta wieħed jintebaħ li l-proposti tal-PN qegħdin diġà fid-dokument tal-Gvern u xi wħud minnhom qed jitwettqu diġà.
L-istrateġija li nieda l-Gvern hi msejsa fuq ħames pilastri ewlenin li ġew trattati, riċerkati u dettaljati f’dokument ta’ 59 paġna, minn esperti fil-qasam. B’differenza għall-Oppożizzjoni, l-istrateġija tal-Gvern tidħol fid-dettal dwar:
- kif ha nsaħħu l-promozzjoni tas-saħħa, l-edukazzjoni u prevenzjoni;
- kif ħa nżidu servizzi mediċi li jinkludu screening, trattament ta’ mard relatat u riorganizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi;
- kif għandna nindirizzaw bżonnijiet tas-saħħa riproduttiva li jinkludu family planning u kontraċettivi;
- kif għandna nindirizzaw persuni fi gruppi speċjali;
- kif ha nitrattaw materji ta’ governanza, innovazzjoni u aktar riċerka.
Intqal li l-Gvern irċieva 23 rakkomandzzajoni fiż-żmien ta’ konsultazzjoni pubblika, li issa jmiss li jkunu evalwati u integrati bl-aħjar mod fl-istrateġija definittiva.