Bdiet, b’mod uffiċjali, ir-riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Buġibba, li l-aħħar tisbiħ maġġuri fiha kien seħħ minn Gvern Laburista fl-1997. Dan l-investiment il-ġdid ta’ €10 miljun, li nbeda f’Jannar li għadda, hu wieħed sinifikanti f’waħda mill-aktar żoni turistiċi u ta’ divertiment popolari f’pajjiżna.
Il-proġett kollu, maqsum f’fażijiet, mistenni jkun lest sas-sajf tas-sena d-dieħla.
Il-proġett, li qed jitmexxa mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, u Infrastructure Malta, se jara li jagħti ħajja ġdida lill-pjazza biex titgawda aħjar mill-eluf ta’ viżitaturi, lokali u turisti, waqt li jħeġġeġ lis-settur privat jaġġorna u jtejjeb l-prodott tiegħu wkoll.
L-MTA, li mexxiet ukoll il-fażi tad-disinn, involviet ruħha man-negozji lokali u l-partijiet interessati ewlenin biex tiżgura li l-proġett jimxi mal-ħtiġijiet tal-komunità, waqt li Infrastructure Malta kkordinat biex ittejjeb l-infrastruttura tas-servizzi taħt l-art u tiżgura sostenibbiltà fit-tul.
Minbarra t-titjib sinifikanti f’infrastruttura, bħal bankina ġdida mad-dawra, bankijiet addattati, dwal aħjar u l-ħolqien ta’ żona ta’ rikreazzjoni, il-proġett se jintroduċi aktar ħdura fl-impenn tal-Gvern favur it-tisbiħ urban u s-sostenibbiltà ambjentali.
F’konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, qal kif il-proġett ġie mqassam fi tliet fażijiet, bl-ewwel waħda tinvolvi xogħlijiet tul Triq Dawret il-Gżejjer u jkompli fit-toroq ta’ madwar il-pjazza.
Qal li, wara dan, ikun imiss it-tindif, it-tħaffir u xogħlijiet strutturali taħt l-art fil-pjazza stess, segwiti minn pavimentar, tisbiħ, installazzjoni ta’ għamara tat-toroq.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/13135829/WhatsApp-Image-2025-02-13-at-12.56.57-PM-1024x768.jpeg)
Fl-aħħarnett ikun imiss it-trasformazzjoni tat-toroq tal-madwar biex titjieb is-sigurtà u l-aċċessibbiltà, waqt li jsir aċċessa aktar faċli għall-post bil-mixi.
“Issa qed naraw ir-riġenerazzjoni tal-pjazza ta’ Buġibba mhux biss l-estetika li jaraw in-nies, però anke r-riġenerazzjoni mill-qiegħ tas-servizzi kollha li hawn hawnhekk, u mbagħad jorbot wkoll ma’ proġetti oħrajn li qed nagħmlu fil-viċin.”
Kap Eżekuttiv IM , Steve Ellul
Il-Ministru għat-Trasport, Chris Bonnet, qal li kull fażi hi ppjanata bir-reqqa biex tiżgura effiċjenza u eżekuzzjoni ta’ kwalità għolja. Semma kif dan qed isir max-xogħol li għaddej bħalissa fuq il-moll u l-breakwater il-ġodda ftit passi ’l bogħod, fejn se tkun qed tiġi stabbilita konnettività ġdida bil-baħar ma’ Tas-Sliema.
“Inutli jkollok pjazza sabiħa jekk, imbagħad, ma ġġibx in-nies. L-idea hi li nħajru lil Malta kollha minn kwalunke area, speċjalment minn Tas-Sliema, la anke se noperaw il-ferry minn hemmhekk, li jġibu n-nies hawnhekk biex Bugibba jerġa’ jiġi l-post li niftakruh dari.”
Il-Ministru, Chris Bonett
Tenna kif, għalhekk, dawn il-proġetti flimkien se jkunu qed jagħtu ħajja ġdida lil Buġibba biex anke tattira iżjed nies lejha.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/13185505/0eaac3fd-bb3a-4639-b619-5de65b010123-1024x768.jpg)