Diversi persuni huma rrappurtati feruti wara li karozza saqet fuqhom meta kienu qed jagħmlu dimostrazzjoni qrib iċ-ċentru tal-belt ta’ Munich fil-Ġermanja.
L-awtoritajiet ikkonfermaw li s-sewwieq tal-vettura kien arrestat fuq il-post u kienu qegħdin jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Sadanittant il-midja lokali rrappurtat li persuna kienet inqatlet u diversi oħra kienu feruti serjament.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/13130842/WhatsApp-Image-2025-02-13-at-12.32.16-PM-1.jpeg)
In-numru ta’ dawk feruti għadu mhux determinat hekk kif bosta persuni milquta ħarbu lejn binjiet fil-qrib biex jistkennu.
Jidher li l-folla kienet qed tipprotesta waqt dimostrazzjoni organizzata minn waħda mill-akbar trejdjunjins tal-Ġermanja. Għadu qed jiġi investigat jekk kienx hemm xi konnessjoni bejn id-dimostrazzjoni u l-inċident.
Minn għada sal-Ħadd, il-belt ta’ Munich se tkun qed tospita għexieren ta’ mexxejja mondjali inkluż il-President Ukren Volodymyr Zelensky u l-Viċi President tal-Istati Uniti JD Vance, hekk kif se tkun qed issir konferenza dwar is-sigurtà.
Ftit tal-ħin ilu l-pulizija qalet li s-sewwieq kien ġuvni ta’ 24 sena mill-Afganistan li kien qed ifittex l-ażil fil-pajjiż u li kienu qed jittrattaw l-inċident bħala attakk. Jidher li s-suspett kien magħruf mal-pulizija minħabba offiżi ta’ serq u droga.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/13130840/WhatsApp-Image-2025-02-13-at-12.32.17-PM.jpeg)