Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea qal li l-Unjoni Ewropea ma kinitx se tinkludi xi capping fuq il-prezzijiet tal-gass meta tippreżenta l-istrateġija dwar kif se jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija li qegħdin dejjem jisparaw ’l fuq.
Din id-dikjarazzjoni ħarġet wara li n-negozjanti tal-enerġija fl-Ewropa u ditti tal-fjuwil fossilu urew tħassib dwar għajdut li l-eżekuttiv tal-UE kien qed jikkonsidra li jmur lura għall-miżura ta’ emerġenza fil-prezz tal-gass.
It-Tlieta, 11-il grupp industrijali prominenti bgħatu ittra lill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fejn esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar din il-mossa.
Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, l-Istati tal-Unjoni Ewropea kienu qablu li għandu jsir capping hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija sparaw ’l fuq imma din il-miżura, li skadiet aktar kmieni dan ix-xahar, filfatt qatt ma ġiet attwata hekk kif il-prezzijiet qatt ma laħqu l-livell meħtieġ.
Id-diskussjoni reġgħet tqajmet b’urġenza hekk kif il-prezzijiet tal-gass reġgħu bdew telgħin u d-domanda hija għolja minħabba l-kesħa filwaqt li l-Ewropa riċentament tilfet il-gass ipprovdut mir-Russja li jgħaddi mill-Ukrajna. Fifatt kien irrappurtat li din il-ġimgħa l-prezz tal-gass kien fl-ogħla livell f’dawn l-aħħar sentejn.