BEJTA TAD-DROGA TAĦT GONZIPN
Taħt GonziPN, il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienet mekka u bejta tad-droga, b’barunijiet tad-droga joperaw mill-Faċilità u ħafna priġunieri li jidħlu fil-faċilità mingħajr qatt ma kienu missew droga u joħorġu minn hemm ġew bħala drug addicts. Saħansitra kien hemm persuna li fl-2010 ħalla ħajtu permezz ta’ overdose fl-istess Faċilità.
Għadha friska wkoll il-memorja ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti fl-2011, fil-konfront ta’ Josette Bickle, illum mejta, fejn il-Qorti kienet iddeskrivietha bħala ‘r-Reġina tad-droga fil-ħabs.’ Fl-istess sentenza, ingħad li kienet tbigħ id-droga eroina mid-diviżjoni tan-nisa bi prezz tliet darbiet aktar minn dak tas-soltu u l-ħlas kien ikun jew flus, jew inkella billi jkun hemm min jgħinha tinħasel, jaħslu l-art u jippreparawlha l-ikel. Mix-xhieda fil-kawża, ħafna xehdu kif kellha kontroll assolut tad-diviżjoni, u anke l-uffiċjali kienu jibżgħu minnha.
Biex tgħaxxaq, ir-rieda li tkun miġġielda d-droga fil-ħabs fi żmien GonziPN ma kinitx teżisti. Tant hu hekk li f’mistoqsija Parlamentri mwieġba f’Diċembru tal-2011 mill-Ministru ta’ dak iż-żmien Carm Mifsud Bonnici, intqal li fil-ħabs ma kienx hemm apparat li permezz tiegħu setgħu jiġġieldu b’xi mod il-preżenza tad-droga. B’kuntrast, fl-aħħar snin, sar investiment massiċċ f’numru ta’ scanners u apparat sofistikat li jintraċċa s-sustanzi illegali.
F’mistoqsija Parlamentari oħra mwieġba mill-istess Carm Mifsud Bonnici, kien ikkonfermat li apparti li bejn l-1998 u l-2003 ma kinitx tinżamm statistika dwar in-numru ta’ persuni pożittivi għad-droga, intqal li bejn l-2004 u l-2011 kien hemm 400 priġunier li nstabu pożittivi għad-droga u 257 priġunier li rrifjutaw li jagħmlu t-test. L-iktar snin li fihom kienu nstabu persuni pożittivi kienu l-2008, meta dakinhar kien hemm 110 priġunieri pożittivi għad-droga, u l-2005, meta n-numru ta’ pożittivi kien 101.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/13101213/WhatsApp-Image-2025-02-13-at-10.09.10-AM-1024x673.jpeg)
Konsapevoli li l-ebda rijabilitazzjoni effettiva ma tista’ tingħata kemm-il darba jkollok xi persuna jew oħra li tkun qed tabbuża mid-droga, fl-aħħar snin, taħt Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, saret ġlieda sħiħa biex din il-problema tiġi eradikata. Illum il-ġurnata hemm ħabs li huwa ħieles mid-droga.
Illum tabilħaqq teżisti sistema fejn tista’ ssir rijabilitazzjoni effettiva. Ibda biex, malli priġunier jidħol fil-ħabs, jinħadem care plan minn numru ta’ professjonisti, ibbażat b’mod totali fuq il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tal-priġunier. Dawn il-professjonisti jqisu numru ta’ fatturi, fosthom l-isfond soċjali, edukattiv u dak psikoloġiku tal-priġunier bħala individwu.
Dawk il-persuni li jidħlu fil-Faċilità bi storja ta’ teħid tad-droga, li hu numru sfortunatament mhux żgħir, jingħataw l-għajnuna mit-tim qawwi mediku u professjonali li llum jgħodd 87 ruħ. Dan jinkludi erba’ tobba, numru ta’ psikologi, psikjatri, social wokers, infermiera, dentisti u spiżjar fost l-oħrajn. B’kuntrast, taħt GonziPN, meta kien ikun hemm il-ħtieġa ta’ tabib, kien jintuża t-tabib taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.
B’kollaborazzjoni ma’ entitajiet bħal Caritas, illum priġunieri jistgħu jsegwu korsijiet ta’ rijabilitazzjoni mid-droga fiċ-ċentri tagħhom. Fl-aħħar sena tas-sentenza, jistgħu jmorru wkoll f’wieħed miż-żewġ half-way houses inmexxija abbilment mir-RiSe u l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl. Fi ftit jiem, se tibda topera wkoll it-tielet dar ta’ dan ix-xorta, l-ewwel waħda għan-nisa mir-RiSe. F’dawn il-programmi ta’ rintegrazzjoni, il-priġunieri jingħataw għajnuna sabiex jerġgħu jistabbilixxu ruħhom fis-soċjetà.
ŻEWĠ RAPPORTI JIKXFU L-IPOKRESIJA GRASSA TAL-PN
Ir-rapport tal-Bureau għad-Demokrazija, id-Drittijiet tal-Bniedem u x-Xogħol li sar mid-dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fl-2008 u r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, magħruf bħala s-CPT fl-2011, jikxfu l-ipokresija grassa tal-Partit Nazzjonalista dwar il-mod kif dak iż-żmien GonziPN kien imexxi l-ħabs. Illum l-istess klikka qed tmexxi lil Bernard Grech minn imnieħru.
Fir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, li għamel żjara ta’ tlett ijiem fil-ħabs fl-2011, kien qal li l-qagħda li fiha sab lil ħabs tant kienet gravi li kien qiegħed jirrakkomanda audit indipendenti fuq l-operat tal-ħabs kollu. Talab li ġaladarba dan ir-rapport isir, jintbagħat lill-Kunsill tal-Ewropa u miegħu jintbagħat ukoll il-pjan li kellu jagħmel il-Gvern. Ma sibna l-ebda rapportaġġ li dan l-audit fil-fatt sar, u bħalma ġara b’numru kbir ta’ rapporti fi żmien Gvern ta’ GonziPN, fosthom dawk tal-Ombudsman, tal-Awditur Ġenerali u rapporti bħal dawn imsemmija, baqgħu biss jaqilgħu t-trab fuq l-ixkafef.
Fost in-numru ta’ osservazzjonijiet li l-Kunsill tal-Ewropa għamel, kien qal li dak iż-żmien, fit-tmexxija tal-ħabs, kien hemm Aġent Direttur u mhux Direttur li ma kellu l-ebda taħriġ biex jaħdem fil-ħabs jew kif jittratta lill-priġunieri. Osservazzjoni oħra kienet li n-numru ta’ persuni kwalifikati u mħarrġa jaħdmu fil-ħabs kien wisq żgħir meta mqabbel man-numru ta’ priġunieri, u li kien hemm kollass totali tad-dixxiplina, li wasslet biex tat saħħa lil numru ta’ priġunieri li spiċċaw imexxu l-ħabs huma u saħansitra joħolqu gruppi jew gangs fil-ħabs.
L-istess rapport isemmi kif kien hemm traffikar tad-droga b’mod rampanti fil-Faċilità, nuqqas ta’ sigurtà u li ma kien hemm l-ebda sistema ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Ir-rapport isemmi wkoll li ma kien hemm l-ebda proċeduri stabbiliti, lanqas regoli ta’ proċedura miktuba. Ma kienx hemm lanqas sistema ta’ kif priġunieri jkunu mqassma fid-diviżjonijiet skont il-klassifikazzjoni tagħhom.
Min-naħa l-oħra, fir-rapport li sar mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan taħt is-sezzjoni tat-Tortura, trattament diżuman u kastigi, isemmi fost oħrajn li erba’ uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tressqu l-Qorti akkużati li taw xebgħa lil priġunier li kien prova jaħrab fil-ħabs.
Fl-istess rapport, intqal ukoll kif kien hemm allegazzjonijiet li uffiċjali taw xebgħa lil żewġ immigranti u li minkejja li kien hemm xi sospensjonijiet, sal-aħħar ta’ dik is-sena, l-2008, ħadd ma kien tressaq quddiem il-Qorti.
Dawn iż-żewġ rapporti jixhdu kemm il-klikka estremista ta’ GonziPN, u tabilħaqq il-Partit Nazzjonalista stess, huwa mgħerreq fl-ipokresija grassa. Illum qed jużaw rapport tal-Ombudsman li sar fuq il-qagħda tal-ħabs ta’ 2021, mingħajr ma jikkunsidraw, għax politikament ma jaqblilhomx, li fil-fatt kienu ttieħdu d-deċiżjonijiet mill-Ministru Camilleri fil-konfront tat-tmexxija tal-ħabs ta’ dak iż-żmien. L-istess Ministru Camilleri ħatar inkjesta indipendenti li għamlet numru ta’ rakkomandazzjonijiet li qed jiġu implimentati.
Fi stqarrija li ħareġ il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol malli ħareġ ir-rapport tal-Ombudsman, fakkar li, kif jindika r-rapport innifsu, din hija investigazzjoni li nbdiet fl-2021, bil-ħsieb li tiffoka fuq it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’perjodu li issa jmur lura għal iktar minn tliet snin. Għamilha ċara li xorta waħda kull rapport ikun evalwat bis-serjetà u b’rispett lejn l-uffiċċju li jkun ippubblikah, f’dan il-każ l-uffiċċju tal-Ombudsman.
Intqal kif tul il-perjodu li kien qed jinkiteb dan ir-rapport, irid ikun iċċarat ukoll li l-Ministeru nnifsu ħa diversi azzjonijiet, bi wħud minnhom issir proprju referenza għalihom f’dan ir-rapport, hekk kif kienu tliet snin ta’ bidliet u azzjonijiet kontinwi.
Liema bidliet setgħu wkoll isiru għax fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienet miġġielda l-pjaga tad-droga, kif jirrikonoxxi r-rapport innifsu, hekk kif l-ebda rijabilitazzjoni ma setgħet issir f’ħabs li jkun mimli droga.
Il-Ministeru temm jgħid li dan ma jfissirx li m’hemmx iktar ħidma xi ssir, iżda jrid ikompli bir-riformi bħal dawk biex tiġi mġedda l-liġi tal-parole u l-introduzzjoni tal-electronic monitoring li bħalissa qiegħda fi stadju parlamentari.
Minkejja dawn ir-riformi kollha, il-klikka estremista ta’ GonziPN li ħalliet frakass fil-ħabs, u li ġiet ikkundannata minn tal-inqas żewġ rapporti ċitati hawn, nhar it-Tnejn ordnat lill-Kap tal-Oppożizzjoni jressaq vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Camilleri wara li l-ispeaker ta ruling fejn tenna li dan ir-rapport ma kienx ta’ natura urġenti biex jiġi diskuss. L-ipokresija grassa tal-Partit Nazzjonalista ma tistax tkun aktar ovvja minn hekk.
FOST L-INIZJATTIVI EWLENIN FL-AĦĦAR SNIN
• • It-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Priġunieri
• L-introduzzjoni ta’ care plan għal kull priġunier li jidħol fil-ħabs
• Xogħol fuq tliet half-way houses ġodda f’Malta. Waħda minnhom se tkun l-ewwel waħda għall-priġunieri nisa
• Sar xogħol fid-diviżjoni tan-nisa, sabiex ikun hemm post għall-omm u t-tarbija
• Saru aktar minn 40 Standard Operating Procedures li jittrattaw l-operat ta’ kuljum tal-Aġenzija
• Issaħħew is-sistemi diġitali, fosthom bl-Offender Management System, li tgħaqqad l-imsieħba kollha fis-settur
• L-istaff tal-professjonisti, li fost oħrajn jinkludi Psikologi, Psikjatri u Social workers, illum ilaħħaq is-87
• Żdiedu s-servizzi mediċi offruti, bħal dentistrija u oftalmoloġija. Illum fl-Aġenzija hemm erba’ tobba u magħhom 11-il infermier f’kull shift
• Sar admission hub, fejn priġunieri ġodda qed jagħmlu l-ewwel ġimgħa fiha qabel imorru jkunu assenjati d-diviżjoni
• Iddaħħal il-kunċett ta’ safe cell f’numru ta’ diviżjonijiet, fejn ikun hemm anke monitoraġġ permezz tas-CCTV
• Ġie ingaġġat uffiċjal edukattiv u ġie rinnovat iċ-ċentru edukattiv għall-priġunieri
• Ġie rinnovat iċ-ċentru ta’ taħriġ għall-uffiċjali
• Qed isir mental first aid kors lil kull ħaddiem fl-Aġenzija, kemm uffiċjali u kemm dawk pajżana
• Tkabbret u nbidlet b’mod komplut il-kċina tal-ħabs u magħha tjieb is-servizz tal-ikel
• Sar rinnovar tal-forensic unit u f’numru ta’ diviżjonijiet, liema xogħol huwa wieħed kontinwu
• Infetaħ post fil-Marsa biex il-priġunieri jiltaqgħu ma’ wliedhom f’ambjent ’il bogħod mill-ħabs
• Ingħataw iktar opportunitajiet ta’ xogħol permezz tal-prison industry
• Qed issir kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet biex jiġu offruti numru ta’ korsijiet, fosthom mal-MCAST