Il-President Amerikan Donald Trump qal li kellu telefonata twila u produttiva mal-President Russu Vladimir Putin ilbieraħ fejn qablu sabiex jinbdew in-negozjati biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna.
F’kitba fuq il-midja soċjali tiegħu Truth Social, qal li qablu sabiex il-mibgħuta rispettivi tagħhom jibdew jiddiskutu immedjatament u stiednu lil xulxin sabiex iżuru l-pajjiżi rispettivi.
Aktar tard, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li kien tkellem ma’ Trump dwar paċi dejjiema.
Dawn it-telefonati maż-żewġ pajjiżi fi gwerra waslu hekk kif Trump u s-Segretarju tad-Difiża tiegħu kienu qalu li jidher li l-possibilità li l-Ukrajna tidħol fin-Nato hija waħda remota, li żgur huwa diżappunt għall-Ukreni.
Zelensky qal li kien se jiltaqa’ mal-Vici President JD Vance u s-Segretarju tal-Istat Marco Rubio waqt summit dwar id-difiża fl-Ukrajna li se jsir għada fi Munich il-Ġermanja.
Għalkemm ma tħabbritx data meta Trump se jiltaqa’ ma’ Putin, huwa qal lill-ġurnalisti li kienu se jiltaqgħu fl-Għarabja Sawdija. Huwa rrappurtat li t-telefonata bejniethom ħadet siegħa u nofs filwaqt li dik ma’ Zelensky damet siegħa.