Is-seduta tal-Parlament tat-Tlieta filgħaxija, partikolarment waqt id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela, kienet ikkaratterizata minn tfixkil u tgħajjir dispreġġjattiv min-naħa tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Il-Whip tal-Gvern, Naomi Cachia, kienet preżenti waqt din is-seduta u f’kummenti ma’ ONE News spjegat li d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina spikka f’dan kollu bl-aktar mod negattiv.
“Rajna ħafna insulti u kliem dispreġġjattiv fil-konfront ta’ membri tal-Gvern, b’mod partikolari, kien hemm id-Deputat Edward Zammit Lewis, id-Deputat Carmelo Abela u anke lejn il-Prim Ministru nnifsu. Fl-aħħar mill-aħħar, id-Deputy Speaker kellu jissospendi għal xi ħin is-seduta, jiġifieri hemmhekk rajna kif ma kienx hemm mod kif tikkontrolla l-aġir tad-deputat ħlief li l-Kamra tiġi sospiża, imbagħad rajna fl-aħħar tas-seduta, iċ-cherry on the cake, fejn id-Deputat Aquilina li għamel dikjarazzjoni xokkanti, dikjarazzjoni li aħna għedna li għandha tiġi rtirata dak il-ħin, imma minflok reġa rrepetiha.”
Naomi Cachia, Whip tal-Gvern
Il-Whip tal-Gvern kompliet tispjega l-ħidma li trid issir min-naħa tagħha u anke mill-Ispeaker f’ċirkostanzi bħal dawn. Hija tenniet li, minkejja li numru ta’ persuni jipprovaw ixekklu l-ħidma tal-Gvern billi jipprovokaw, għandhom responsabbiltà lejn il-poplu Malti u Għawdxi.
“Seduti bħal tal-bieraħ ma tantx ikunu faċli għall-Whip biex tikkordina l-ħidma, għax in-nies ikunu aġitati u jkollok nies li jkunu qegħdin jinstigaw bi kliemhom lid-deputati l-oħrajn, ifisser jiġifieri li x-xogħol tagħna li żżomm kemm jista’ jkun lil kulħadd f’postu, kulħadd kalm. Fl-aħħar mill-aħħar, bħala Gvern, għandna responsabbiltà kbira, responsabbiltà mal-poplu Malti u Għawdxi biex inkomplu bil-programm leġiżlattiv tagħna u hu d-dmir tagħna li ma nħallu lil ħadd u xejn ixekkel din il-ħidma.”
Naomi Cachia, Whip tal-Gvern