Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Dr Yana Micallef Stafrace, iddeċidiet li teħles lil Leigh Angelo Macer Bishop minn kull akkuża kriminali miġjuba kontrih.
L-imputat kien akkużat li, fid-19 ta’ Jannar tal-2018, hedded u attakka lill-eks sieħba tiegħu, Vickilyn Schembri, filwaqt li pprova jikkawżalha abort kontra r-rieda tagħha. Dan filwaqt li kellu l-ħsieb li jwettaq delitt.
Skont ix-xhieda, Schembri rrapportat li ġiet attakkata f’darha f’Marsaskala, fejn l-imputat allegatament sawwatha, kissrilha l-mowbajl u pprova jagħtiha sustanza biex tkorri t-tarbija tagħha fil-ġuf, meta din kienet seba’ xhur tqila.
Madankollu, il-Qorti sabet li ma kienx hemm biżżejjed provi li jsostnu dawn l-akkużi, inkluż nuqqas ta’ evidenza ċara dwar l-użu ta’ sikkina jew sustanza tossika.
Wara li evalwat il-provi kollha, inklużi ċ-ċertifikati mediċi u x-xhieda, il-Qorti ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda provi raġonevoli biex jikkonferma l-ħtija tal-imputat.
Għaldaqstant, Bishop, li kien qed jiġi rrappreżentat mill-Avukat Ishmael Psaila, inħeles minn kull ħtija u piena.