Fi New York għaddej il-ġuri ta’ Hadi Matar akkużat li attakka u pprova joqtol lil Sir Salman Rushdie nhar it-12 t’Awwissu 2022 meta kien mistieden jitkellem dwar kif l-Istati Uniti kienet tati kenn lill-kittieba eżiljati.
Il-kittieb famuż Brittaniku Indjan, kien qed jixhed waqt il-ġuri tal-allegat aggressur tiegħu fejn qal li kien ħaseb li se jmut wara li kien ġie mogħti diversi daqqiet ta’ sikkina f’attakk li ħallieh għami minn għajn waħda.
Rushdie fil-qorti qal li kien qala’ total ta’ 15-il daqqa bi ġrieħi f’għajnu, ħaddejh, għonqu, sidru, żaqqu u kuxxtejh. Intlaqat ukoll f’idu x-xellugija meta pprova jiddefendi lilu nnifsu.
Qabel l-attakk Salman Rushdie, li għandu 77 sena, kien għamel snin twal mistoħbi minħabba theddid fuq ħajtu wara li kien ippubblika l-ktieb The Satanic Verses fl-1988.
Filwaqt li l-ktieb, li kien ispirat mil-ħajja tal-Profeta Musulman Muhammed, rebaħ diversi unuri fil-pajjiżi tal-Punent tad-dinja, ħafna Musulmani jikkunsidraw il-ktieb bħala wieħed blasfemu u kien ipprojbit f’diversi pajjiżi. Il-kap reliġjuż tal-Iran ħareġ fatwa fejn talab għall-mewt tal-awtur. Minħabba dan id-digriet reliġjuż, Sir Salman iffaċċja diversi theddid ta’ mewt u għalhekk kellu jistaħba għal disa’ snin u ħareġ biss meta l-Iran kien iddikjara li ma kienux se jinfurzaw il-liġi.
L-akkużat Hada Matar, ta’ 27 sena, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-prosekuturi għadhom ma stabbilixewx il-mottiv għal dan l-attakk.