Il-ġurnalist Karl Stagno Navarra se jagħmel talba għal inkjesta maġisterjali biex jiġu investigati l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista wara li ħareġ kif grupp ta’ eks ħaddiema tal-istess Partit kellhom ammont ta’ kontribuzzjonijiet soċjali, jew kif magħrufin bħala l-bolol, li baqgħu qatt ma tħallsu anke jekk dan kien obbligu legali.
Dan minbarra l-kwerela kriminali li se tinfetaħ kontra Austin Gatt, Joe Saliba u Lawrence Gonzi, bħala eks Segretarji Ġenerali Nazzjonalisti. Ma’ dawn hemm ukoll żewġ eks Kontrolluri Finanzjarji tal-PN.
Nifhmu li dawn huma Noel Azzopardi, li bħalissa hu direttur maniġerjali mal-Malta Independent, u Antoine Portelli, li jiġi ħu Pierre Portelli.
Fid-diskors tiegħu t-Tlieta, fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll tkellem b’mod ċar f’dan ir-rigward.
“Flus dawn, mhux biss misruqa mill-pagi tal-ħaddiema tagħkom, imma misruqa mit-taxxi tal-poplu, għax, fl-aħħar mill-aħħar, tafu li l-Gvern irid jagħmel tajjeb għal dawk il-kontribuzzjonijiet li intom ma ħallastux. Ara meta nitkellmu fuq hekk, ma titkellmux dwar organizzazzjoni kriminali. Dwar kif, b’mod strutturat, intom sistematikament ħadtu dawn il-bolol u żammejtuhom fil-bwiet tal-Partit Nazzjonalista. Meta tridu niftħu inkjesta fuq hekk.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Sadanittant, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech reġa’ ma ċaħadx, din id-darba mal-MaltaToday, li ħaddiema tal-Partit għandhom dawn il-bolol neqsin.
Mistoqsi speċifikament minn ONE News it-Tlieta dwar dan, Grech qalilna hekk…
“Diġà tkellem il-Partit u allura m’għandi xejn aktar xi nżid.”
Il-Kap tal-PN Bernard Grech