Il-Qorti l-Erbgħa ddeċidiet li hemm biżżejjed provi fil-konfront ta’ Yorgen Fenech u Ray Aquilina, l-eks Kap tat-Taqsima tal-Pulizija Kontra l-Ħasil ta’ Flus, l-FCID, biex jgħaddu ġuri b’rabta ma’ akkużi ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni.
Aquilina u Fenech, li hu wkoll akkużat bħala l-mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qed iwieġbu li mhux ħatja għall-akkużi.
Din kienet l-ewwel seduta fil-Qorti għal Fenech mindu l-Qorti tatu l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet il-ġimgħa li għaddiet wara ħames snin taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Bħala parti mill-kundizzjonijiet għal-libertà proviżorja tiegħu, hu jrid imur għas-seduti kollha tal-Qorti.
Sadanittant, bħal uffiċjal għoli tal-Pulizija, Ray Aquilina jinsab mixli b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus u ġurament falz.
Fost l-akkużi, hemm li, fiż-żmien li suppost kien qed jinvestiga lil Fenech, Aquilina kien involut fix-xiri ta’ appartament fuq il-ġenituri tiegħu biex imbagħad jiġi mgħoddi lilu b’donazzjoni. Bejgħ li allegatament kien se jiġi ffaċilitat mill-istess Fenech.
Magħhom qed jiġi akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus in-Nutar Mario Bugeja.
Dwar dan tal-aħħar, fis-seduta, il-Maġistrat Rachel Montebello semgħet rappreżentant tal-Kunsill Notarili ta’ Malta jiddeskrivi d-dmir tan-nutara li jivverifikaw id-dettalji tal-partijiet u l-kumpaniji involuti f’kuntratt.