L-aġenzija Amerikana tal-investigazzjoni FBI qalet li kienet skopriet 2,400 dokument mitlufa relatati mal-assasinazzjoni tal-President John F. Kennedy.
Wara li Donald Trump f’Jannar iffirma ordni eżekuttiva sabiex id-dokumenti kollha relatati mal-qtil tal-1963 jiġu deklassifikati, l-FBI reġgħu għamlu tfittxija ġdida fl-arkivji tagħhom.
Il-kap tat-taqsima Anna Paulina Luna qalet li temmen li fl-assasinazzjoni kienu nvoluti tnejn min-nies. Hija kienet qed tappoġġja teorija ta’ konfoffa li tikkontradixxi dak li kien iddikjarat uffiċjalment, jiġifieri li Lee Harvey Oswald kien qed jaġixxi waħdu u kien l-uniku responsabbli għall-qtil.
It-Tlieta, l-FBI qalet li nstabu mijiet ta’ rekords ġodda inventarjati u diġitalizzati li qabel ma kinux rikonoxxuti bħala relatati mal-fajl tal-każ tal-qtil ta’ Kennedy. Dawn issa ġew trasferiti lill-amministrazzjoni tal-arkivji nazzjonali u ż-żamma tar-rekords sabiex ukoll jiġu nklużi fil-proċess ta’ deklassifikazzjoni.
Fl-istqarrija, l-FBI ma indikatx x’tip ta’ informazzjoni fihom dawn id-dokumenti misjuba.
Kennedy, kien inqatel bi sparatura fit-22 ta’ Novembru 1963 meta kien fil-karozza f’Dallas Texas. Lee Harvey Oswald, ta’ 24 sena, kien mixli bil-qtil dakinhar stess qabel ma kien inqatel huwa stess jumejn wara minn Jack Ruby. Sena wara, investigazzjoni kienet ikkonkludiet li Oswald kien aġixxa waħdu u ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ konfoffa. Iżda dejjem kien hemm teoriji li kien hemm aktar minn tiratur wieħed u li s-CIA kif ukoll il-mafja Italo-Amerikana setgħu kienu responsabbli.