Ilbieraħ ingħata bidu għall-festival tal-kanzunetta Taljana Sanremo, li qed jiċċelebra l-75 edizzjoni tiegħu.
Fuq il-palk ikoniku tat-Teatru Ariston, instemgħu d-29 diska akkumpanjati mill-orkestra bis-serata tkun ippreżenata minn Carlo Conti li diġà kien ippreżenta l-65, 66 u 67 edizzjoni ta’ dan il-festival prestiġġjuż. Miegħu fuq il-palk il-bravissimi Antonella Clerici u Gerry Scotti.
Mistiedna speċjali f’din l-ewwel serata Jovanotti u RAF.
Fi tmiem tas-serata ġew żvelati l-aqwa ħames diski wara l-votazzjoni tal-ġurija komposta minn ġurnalisti tat-televiżjoni u midja online. Mingħajr ebda ordni partikolari dawn huma:
L’Albero delle Noci – Brunori Sas
La Cura Per Me – Giorgia
Volevo Essere Un Duro – Lucio Corsi
Quando Sarai Piccola – Simone Cristicchi
Incoscienti Giovani – Achille Lauro
Illejla jerġgħu jinstemgħu nofs id-diski kif ukoll l-erba’ kanzunetti fis-sezzjoni tal-ġodda. Flimkien ma’ Carlo Conti fuq il-palk se jkun hemm Bianca Balti, Cristiano Malgioglio u Nino Frassica filwaqt li bħala mistiedna speċjali se jkunu Damiano David u BigMama. Illum il-votazzjoni tkun nofsha b’ġurija mir-radju u n-nofs l-ieħor permezz tal-vot tal-pubbliku.
Il-festival ta’ Sanremo qed isir fuq ħames serati, waħda kuljum bil-finali ssir nhar is-Sibt 15 ta’ Frar.