Il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi tal-Parlament approva b’mod unanimu l-ħatra tan-Nutar Charles Mangion bħala ċ-Ċermen il-ġdid tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-MTA.
Quddiem il-membri tal-istess kumitat Parlamentari, Mangion tkellem dwar il-ħidma li wettaq fl-aħħar snin fit-tmexxija tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, inkluż l-agħar żmien waqt u wara l-pandemija tal-COVID-19, fejn it-turiżmu rkupra u żdied sena wara l-oħra.
Dwar it-turisti f’pajjiżna, hu fakkar ukoll fir-riżultati u rekords li nkisbu fi żmien qasir.
Irrimarka kif, fost l-oħrajn, fl-MTA biħsiebu jkompli jaħdem fuq l-awtentiċità ta’ dak li joffri pajjiżna, il-promozzjoni tal-istorja unika li ngawdu u l-ħtieġa ta’ analiżi dwar xi jfittex it-turist, anke bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali.