Il-ġurnal influwenti Taljan Il Fatto Quotidiano żvela kif il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, ikkordinat it-tqassim ta’ kważi €133 miljun lill-midja fl-Unjoni Ewropea fl-2024, l-istess sena tal-elezzjonijiet madwar l-Ewropa kollha, inkluż dik f’pajjiżna fejn ikkontestat hi stess.
Il Fatto Quotidiano qal li saħansitra ntuża metodu amministrattiv partikolari li jippermetti li tinżamm is-segretezza ta’ tali pagamenti u min kien qed igawda minnhom.
Għadu mhux magħruf jekk kienx hemm xi midja f’pajjiżna li bbenefikaw minn dawn il-fondi kkordinati minn Metsola.
Minkejja dan, hu fatt magħruf kif l-Ewroparlamentari Nazzjonalista, li kienet saħansitra rrifjutat li tieħu sehem f’dibattiti f’dik il-kampanja elettorali, kellha reklami mħallsin f’pajjiżna fl-istess żmien.
F’dan ir-reklami ppreżentat lilha nnifisha bħala “l-unika tama għall-Ewropa”.
Il-ġurnal Taljan irrimarka li dan hu imbarazzanti meta jitqies li l-gazzetti u l-midja suppost għandhom jaraw kif l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Unjoni Ewropea jonfqu l-flus taċ-ċittadini li jikkontribwixxu permezz tat-taxxi u mhux jiġu ffinanzjati minnhom stess.
Waqt li sar kuntatt mal-uffiċċju ta’ Metsola, kelliem tagħha qal lill-ġurnal li ma jagħtux informazzjoni dwar ir-riċevituri, l-ammonti, il-motivazzjonijiet u r-riżultati, għax għal dawn il-€133 miljun intuża qafas ta’ kuntratt. L-istess tweġiba ngħatat ukoll mill-uffiċċju tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.
Jirriżulta li dawn il-miljuni kbar lill-mezzi tax-xandir għaddew permezz ta’ aġenzija privata ta’ reklamar bl-isem ta’ Havas Media France mill-Grupp Vivendi.
Metsola qalet lill-ġurnal Taljan li mhux se tagħti aktar informazzjoni dwar il-kuntratt ma’ Havas, għax tista’ tinbeda l-proċedura burokratika għal “aċċess għad-dokumenti tal-Artiklu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”.