Marc Fogel, għalliem Amerikan li kien qed jinżamm inġustament mir-Russi, inħeles f’dik li l-White House qed tiddeskrivi bħala mossa diplomatika li possibilment tista’ tfisser li se jimxu aktar in-negozjati sabiex tintemm il-gwerra mal-Ukrajna.
Mal-wasla tiegħu lura fl-Istati Uniti, Fogel, li hu għalliem tal-istorja minn Pennsylvania, kellu laqgħa mal-President Amerikan Donald Trump fil-White House fejn irringrazzjah li kien strumentali għall-ħelsien tiegħu.
Fogel kien ġie arrestat f’Awwissu 2021 u kien qed jiskonta sentenza ta’ 14-il sena ħabs. Skont familtu huwa kien qed jivvjaġġa b’marijuana preskritta medikament u kien ġie ddikjarat li qed jinżamm inġustament mill-amministrazzjoni tal-eks President Joe Biden.
Meta mistoqsi x’kien innegozja għall-ħelsien tiegħu, Trump irrisponda li mhux affarijiet kbar iżda ma elaborax. Huwa semma r-relazzjoni tajba li għandu mal-President Russu Vladimir Putin. Ix-xahar li għadda Trump kien iddikjara li qed ikollu diversi taħdidiet serji mar-Russi dwar il-gwerra.
Trump qal li Amerikan ieħor kien se jinħeles illum għalkemm ma ta l-ebda dettalji dwar dan.
S’issa ma ħarġet l-ebda stqarrija mir-Russja dwar dan il-ħelsien.