Ġara li aħna u nqallbu fuq siti soċjali, bdejna naraw ritratti ta’ żmien imgħoddi. F’era ta’ selfies, pożi, u ritratti ta’ kull ħaġa immaġinabbli, minn ikel sa ħwejjeġ u karozzi, ġibdulna l-attenzjoni.
Dawn ir-ritratti li jsaħħruk għall-fatt li jieħduk f’era tal-imgħoddi huma xogħol Mikiel Camilleri Haber. Bħala xogħol u passatemp part-time, jaqbad ritratti tant għal qalb familji Maltin u jtihom ħajja ġdida.
Ma jkunx qed iqandel biss ritratti, imma emozzjonijiet, memorji u ħafna drabi l-unika fdalijiet ta’ ħajjiet u żminijiet li ħallewna.
Kif bdejt tirrestawra ritratti?
Bdejt nirrestawra r-ritratti meta kelli xi ħmistax-il sena. Nannuwi kien newwilli ritratt tal-passaport tiegħu li kien ittieħed fis-snin sittin. Ritratt iswed u abjad li ovvjament, lili wrieni n-nannu kif qatt ma kont nafu qabel. Tħajjart nagħtih il-kulur – naħseb li t-tir kien li nagħti ħajja mill-ġdid lil xbiha li kienet minn żmien ieħor… żmien li qatt ma lħaqt jien u kull ma jmur, iktar jitbiegħed. Tant hu għal qalb in-nannu r-ritratt restawrat, li wara dawn is-snin kollha għadu jżommu fil-kamra tal-pranzu fejn jarah kull min jidħol fil-kamra.
X’ħiliet irid ikollok?
Naħseb iktar milli ħiliet iktar irid ikollok paċenzja u rieda li il-prodott finali ikun jagħmel ġih lir-ritratt oriġinali u speċjalment lill-persuna jew memorja li hemm ġo fih. Sens tajjeb ta’ dawl, dellijiet u kuluri jgħin ovvjament għax wara kollox li nagħmel f’dan ix-xogħol huwa li nagħti dawl ġdid lill dellijiet griżi. Allura il-kuluri, speċjalment tal-ħwejjeġ tal-karattri li jkun hemm fir-ritratt, trid timmaġinhom.
U ma tridx tpoġġi limitu fuq il-ħin li se tiddedika lil restawrazzjoni. L-inqas li domt naħdem fuq ritratt huwa tlett siegħat. Imma hemm proġetti li jirrikjedu iktar xogħol, u l-ġimgħatejn ġieli skorrejthom ukoll. Dan dejjem fil-ħin liberu tiegħi, ovvjament.
X’tip ta’ ritratti jiġu għandek? Liem huma l-iktar komuni bħala kontenut, u mill-liema era?
Jiġi kull tip ta’ ritratt għandi, imma l-iktar frekwenti huma tal-persuni stess li jagħtuni r-ritratt meta kienu għadhom ħafna iżgħar. Ritratti li jkunu ppużaw għalihom meta kellhom snienhom kollha f’posthom, xagħarhom iswed, ħafna inqas tikmix u għajnejhom ċari.
Qabel kont naħseb li għal dak li jkun huwa iktar mportanti li jippreserva memorja ta’ persuna għażiża li tkun ħalliet din id-dinja. Din realta wkoll – ma nistax ngħid li le. Imma nsib li huwa tal-istess importanza għall-individwu, jekk mhux iżjed, li jippreserva l-memorja ta’ meta hu stess kien iżgħar. Ta’ meta kien forsi ħafna iktar validu u relevanti għall-bqija tas-soċjeta’. Għalija huwa kunċett affaxxinanti imma li jimlini dieqa fl-istess ħin.
Dax-xogħol għallimni li bħala bnedmin insibuha ħafna iktar faċli u ta’ sostenn li ngħixu l-passat milli l-mument. Din xi ħaġa li naraha wkoll prevalenti llum, speċjalment fuq facebook. Żagħżagħ il-ġmiel tagħhom jitfgħulek duck-face-selfie imbagħbas u ppużat li aktarx ittieħed fil-kamra tal-banju il-bieraħ fil-għaxija u jippowstjawh illum bħala Throwback-Yesterday-Fun Times.
Il-fatt li m’għadniex ninkwetaw dwar kemm irridu nħallsu flus lil tal-istejxiner biex jiżviluppalna l-film tar-ritratti ikompli jħallina liberi nimmiraw il-lenti lejn wiċċna kemm irridu. Bħallikieku se nitilfu r-relevanza tagħna jekk sa għada filgħodu ma nkunux ħadna tużżana ritratti oħra. Sitwazzjoni pjuttost tad-dwejjaq, naraha jien.
Rigward era, naħseb l-iktar xogħol li kelli s’issa kien jinvolvi ritratti li ttieħdu fis-snin ħamsin/sittin.
Tkun konxju li qed tqandel mhux biss ritratt imma anke emozzjonijiet tan-nies? X’ikunu r-reazzjonijiet?
Inkun ħafna konxju minn dan u din hi r-raġuni li noqgħod ħafna attent li ma ngħaġġilx fuq kwalunkwe proġett. Jekk inħossni għajjejt, jekk inħossni li m’għandix biżżejjed ħin biex inlesti ritratt illum, nippreferi nieqaf u nkomplih darb’oħra milli ngħaġġel. Dak ir-ritratt li għalija jista’ jkun biss proġett ta’ restawr bħal kull wieħed ieħor, għall-klient jaf ikun l-unika’ memorja fiżika tiegħu/tagħha fi żmien ieħor jew ta’ persuni li ilhom li ħallewna. Allura nqis dawk l-emozzjonijiet marbuta mar-ritratt bħala sagri.
Ir-reazzjonjiet mill-klienti s’issa dejjem kienu pożittivi. Għalkemm diffiċli biex wieħed jifhem jew jikkalkula s-siegħat u l-paċenzja quddiem il-kompjuter li jirrikjedi proġett tipiku, kulħadd japprezza ritratt fejn hu/hi stess jidhru tajbin.
Naħseb li l-isbaħ kumment li rċevejt s’issa kien mingħand klienta anzjana li hi u tara r-restawr finali ta’ ritratt tagħha meta kellha sittax-il sena qaltli kważi bid-dmugħ f’għajnejha ‘Eżatt ġibtni.’
Fil-verita’ il-kumpliment kien l-iktar mistħoqq mhux lili imma lil dak li min jaf kemm-il sena ilu, fi studjow professjonali, ħa ritratt tajjeb b’tant sengħa. Jien kull m’għamilt, naddaftu mit-tbajja u xi difetti oħra li kellu, u tajtu l-kulur. Imma hi ħasset xi ħaġa iktar minn hekk.
Huma r-reazzjonijiet ta’ apprezzament ġenwin li tawni kuraġġ biex inkompli nagħmel dan ix-xogħol meta kont għadni nibda. F’dan il-qasam jien self-taught, qatt ma studjajt fotografija jew restawr, għalkemm kont lestejt kors ta’ Foundation Diploma fl-Arti l-MCAST. Fl-aħħar tliet snin tiegħi l-iskola ffukajt fuq Media – fuq film. Ironikament kien f’dan iż-żmien li rġajt bdejt ninteressa ħafna ruħi f’din it-tip ta’ arti. Jien u nitgħallem dwar il-kumplessita tal-għodda li biha tintqal storja permezz tal-film (moving image), bdejt napprezza ħafna iktar ir-ritratti u l-istejjer li kapaċi jgħidu f’ sempliċi frejm solitarju.
X’jiġri jekk xi ħaġa ma tmurx kif tixtieq?
Dejjem nibda’ proġett billi nikkalkula l-ħsara li jkun fih is-sors l-oriġinali. Ritratti mċarrta, mtebbgħa u bl-uċuh mqaxxra kelli. Ritratti li għal snin sħaħ kienu mitwija f’erbgħa kelli wkoll. M’huwiex dejjem possibbli li ritratt li jkun trattat ħażin iġġibu tajjeb daqs kemm tixtieq fir-restawr. Qatt ma nwiegħed klienti li żgur se jirnexxili nfejjaq ir-ritratt mill-ħsara kollha speċjalment meta nkun mitlub nirrestawra uċuh li jkunu f’partijiet imħassra għal kollox mir-ritratt. U d-dubji u kultant is-soluzzjonijiet li nkun qed nara niddiskutihom mal-klienti mill-bidu. Per eżempju, ġieli jkolli nitlob lill-klienti ritratt ieħor ta’ persuna biex minnu nkun nista’ nirrestawra l-wiċċ li fuq ir-ritratt li jkunu tawni, jkun imħassar. Speċi ta’ skin grafting diġitali. Soluzzjoni jew oħra biex inkompli r-restawr dejjem sibt – fattur li nqisu bħala vantaġġ kbir hu li wara li niskenja r-ritratti l-oriġinali, naħdem biss fuq il-verżjoni diġitali u l-oriġinali nirritornah lill-klient. Allura nista’ nieħu l-ħin tiegħi nipperfezzjona u nirranġa kemm ikun hemm bżonn.
Apparti l-arti nfisha, x’titgħallem?
Dan ix-xogħol jagħtini ħafna fuqhiex naħseb u nirrifletti. Ħsieb partikolari li dejjem f’moħħi jien u naħdem hu dwar din ix-xewqa li hemm fi prattikament kull bniedem li jibqa’ mfakkar. Ħadd ma jixtieq lid-dinja tinsih.
Naf li huwa kumment ġenerali ħafna, u dejjem hemm eċċezzjonijiet għal kif jaħsibha l-individwu. Imma kull min qatt ippoża quddiem lenti ta’ kamera, għamel hekk biex jiġi mfakkar. B’xogħoli nipprova nwieġeb għal talba għall-attenzjoni li ġejja minn żmien ieħor. Talba biex id-dinja ma’ tinsiex lil min qiegħed fir-ritratt.
Liem hu l-aktar xogħol għal qalbek?
Huwa diffiċli ħafna biex ngħid. Kull proġett għandu storja għalih, kull ritratt jgħid fil-fatt storja differenti. Pero’ naħseb li kelli nagħżel wieħed, insemmi ritratt li għalkemm m’għandux xi suġġett speċjali, naħseb huwa l-iktar ritratt antik li għandi tal-familjari tiegħi.
It-tifla b’xagħarha dehbi li hemm fuq il-lemin tar-ritratt hija il-bużnanna tiegħi. Ritratti bħal dawn iġegħluni nistaqsi x’kellhom jaħsbu jew jgħidu l-antenati tagħna li kieku jaraw id-dinja u speċjalment il-Malta li ħallew għalina huma.
Min jaf kif kienu jimmaġinaw il-futur tad-dinja tagħhom dak iż-żmien. Għalihom, dakinhar kien il-preżent, l-iktar żmien modern li qatt setgħu jesperjenzaw. Min jaf x’bokka kellhom b’dawk il-ħwejjeġ tal-aħħar moda li libsu għar-ritratt. B’ħafna ‘min jaf-ijiet’ iħallini dan ix-xogħol.