Ilbieraħ beda l-ġuri kontra l-eks President tal-Federazzjoni Spanjola tal-Futbol, Luis Rubiales li jinsab akkużat b’attakk sesswali wara li bies lil Jenni Hermoso fil-finali tat-Tazza tad-Dinja fl-2023.
Waqt ix-xiehda tiegħu fil-qorti ta’ Madrid, Rubiales, li għandu 47 sena, iddikjara li kien staqsa lil Hermoso jekk jistax ibusha u jinsab ċert li kienet tatu permess. Huwa żied jgħid li dak il-ħin din kienet xi ħaġa spontanja.
Apparti l-akkuża ta’ attakk sesswali, Rubiales allegatament qabbad tliet eks uffiċjali tal-Federazzjoni tal-Futbol biex jikkonvinċu lil Hermoso tgħid pubblikament li l-bewsa waqt iċ-ċerimonja ta’ preżentazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tan-nisa f’Sidney l-Awstralja, kienet waħda konsenswali.
Huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Dan l-inċident qajjem skandlu internazzjonali li kien instrumentali sabiex il-plejers nisa tal-futbol Spanjol jikxfu s-sessiżmu u jiġġieldu għall-ugwaljanza mal-plejers irġiel.