Għalliema fi skola elementari fil-Korea t’Isfel ammettiet li qatlet tifla ta’ 8 snin f’każ li xxokkja lin-nazzjon.
It-tifla instabet b’diversi daqqiet ta’ strument bil-ponta fit-tieni sular ta’ skola fil-belt ċentrali ta’ Daejeon għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija t-Tnejn u kienet iddikjarata mejta fl-isptar. L-għalliema kienet ħdejha b’diversi ġrieħi li l-pulizija jaħsbu li wettqet hi stess fuqha nfisha.
L-aġent President tal-Korea t’Isfel Choi Sang-mok dalgħodu ordna investigazzjoni u ħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jimplimentaw il-miżuri neċessarji sabiex inċidenti simili ma jerġgħux iseħħu.
Il-pulizija qalu li l-għalliema kienet rikoverata fl-isptar b’ġerħa f’għonqa li għaliha kellha bżonn il-punti.
L-uffiċċju tal-edukazzjoni tenna li l-għalliema, fid-9 ta’ Diċembru li għadda, kienet talbet sitt xhur leave minħabba dipressjoni iżda kienet irritornat lura l-iskola wara biss 20 ġurnata hekk kif tabib kien iċċertifikha tajba sabiex tidħol lura għax-xogħol.
Il-pulizija qalu li kellhom evidenza li waqt dawk l-20 jum, l-għalliema kienet qed tikkunsidra li tagħmel suwiċidju filwaqt li jiem qabel il-qtil kienet uriet sinjali ta’ vjolenza inkluż attakk fuq għalliema oħra.
Wara dan l-inċident hija kienet qed tiġi ssorveljata mill-viċi kap tal-iskola filwaqt li kienet ilha ma tgħallem minn meta ħarġet bil-leave f’Diċembru.
L-għalliema qalet lill-pulizija li dakinhar tal-attakk kienet xtrat l-arma tal-attakk u ġabitha magħha l-iskola bl-intenzjoni li tikkommetti suwiċidju flimkien mal-qtil ta’ tifla. Hija qalet li ma kien hemm l-ebda tifla partikolari f’moħħha iżda għażlet waħda mill-aħħar li telqu mill-iskola fejn irnexxielha tiġbida lejn il-kamra tal-komunikazzjoni qabel attakkatha. L-istudenta kienet irrappurtata nieqsa mis-sewwieq tal-karozza li kellu jeħodha lura d-dar wara li din naqset li titfaċċa.