F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista ġiet innotata d-differenza bejn iż-żewġ partiti dwar l-opinjonijiet tagħhom dwar il-Malta Labour Migration Policy.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay spjega li din il-politika hi meħtieġa. Ġie nnotat li dawk l-employers li jaħdmu sewwa, mhux se jkollhom problema, waqt li min jabbuża se jsib minn jieqaflu.
Intqal li bħala partit jilqa’ din il-politika għax tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema kollha. Ġie spjegat li hemm politika li qed tinċentiva li jkun hemm ħaddiema barranin fejn il-pajjiż għandu bżonn.
Dwar it-taħriġ lil dawk il-persuni li jiġu jaħdmu f’pajjiżna, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista qal li huwa li hemm l-inċentiv biex il-ħaddiema jkollhom aktar ħiliet.
Intqal li l-Partit Laburista jilqa’ kull miżura fejn qed ikun miġġieled l-abbuż, fosthom anki permezz tal-introduzzjoni ta’ ħlas tal-pagamenti fil-banek.
Il-President tal-Partit Dr Alex Sciberras qal li b’din il-politika, il-Gvern qed jindirizza l-isfidi tal-Maltin u l-Għawdxin. Innota li meta wieħed iħares lejn il-proposti tal-Partit Nazzjonalista, hemm il-baħħ u m’hemm l-ebda viżjoni, fil-fuljett li ppreżenta.
Hawnhekk fakkar id-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Partit Nazzjonalista, li żvela l-Partit Laburista u ma fih l-ebda viżjoni.
Intqal li l-Partit Laburista jilqa’ li jkun hemm stabbilità tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna.
Innota d-differenza bejn Gvern li ħareġ il-politika tiegħu u li ġiet diskussa ma’ kulħadd, waqt il-konsultazzjoni, waqt li l-Oppożizzjoni ma ppreżentat xejn, anki bi żbalji fil-kalkoli tiegħu.
Dr Sciberras staqsa x’tip ta’ konsultazzjoni għamel il-Partit Nazzjonalista dwar il-fuljett li ppreżenta.